Sena wara sena, l-Għaqda tan-Nar Stella Maris iddawwal is-smewwiet fix-Xatt Tas-Sliema bix-xow sinkronizzat mal-mużika għall-okkażjoni tal-Festa ta’ Stella Maris.

Bħal kull sena, it-tielet Ħadd ta’ Awwissu jkun sinonimu mal-festa ta’ Marija Kewkba tal-Baħar jew kif inhi magħrufa wkoll bħala Stella Maris. Festa li apparti toffri taħlita ta’ armar modern u klassiku, briju uniku u l-banda rinomata, tiġbed eluf ta’ dilettanti tan-nar kif ukoll turisti lejn ix-Xatt f’Tas-Sliema permezz ta’ seratà ta’ logħob tan-nar mill-isbaħ, akkompanjat mill-mużika u minn atmosfera mill-isbaħ.
Ta’ kull sena l-Għaqda tan-Nar Stella Maris tinvesti iżjed riżorsi fix-xow spettakolari tan-nar. Madwar 10 snin ilu, l-istess għaqda kella ħolma li jsir spettaklu tan-nar f’Tas-Sliema, u jkun ta’ kwalità tajba. Din il-ħolma saret realtà, u sena wara sena l-ispettaklu kompla jitjieb u d-dilettanti u t-turisti komplew jattendu għal din il-lejla ta’ maġija fl-ajru.
Din is-sena mhix eċċezzjoni, hekk kif il-membri tal-Għaqda tan-Nar Stella Maris ilhom xhur jipprepraw sabiex nhar is-Sibt 23 ta’ Awwissu jittella’ x-xow annwali Stars of Fire, fix-Xatt Tas-Sliema.
Ix-xow se jkun qed jikkonsisti minn bosta logħob tan-nar fl-ajru, kif ukoll logħob tan-nar tal-art, u huwa attrazzjoni għad-dilettanti kollha tal-festi, piroteknika, fotgrafija kif ukoll tal-kultura u wirt Malti.
Il-ħarqa tan-nar tal-ajru, tibda għall-ħabta tad-9:30pm, b’varjetà ta’ logħob tan-nar fosthom murtali tal-beraq, sajżijiet, murtali tal-logħob, murtali tal-kulur, sfejjer, beraq pront u blalen tal-kulur, bil-qofol tas-serata jintlaħaq għall-11pm, bix-show tan-nar Stars of Fire.
Il-festa ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema qiegħda tkun iċċelebrata mit-18 ta’ Awwissu sal-24 ta’ Awwissu, bil-qofol jintlaħaq il-Ħadd 24 ta’ Awwissu permezz tal-marċ brijjuż filgħodu li jibda għall-ħabta tal-10:45am minn Pjazza Annunzjata, u tal-purċissjoni devota lill-istatwa Kewkba tal-Baħar Stella Maris, li tibda għall-ħabta tas-7:30pm mill-knisja Arċipretali ta’ Stella Maris.
