Lokali Qorti

Żagħżugħ jinżamm taħt arrest fuq akkużi ta’ aggressjoni u ksur tal-bail

Tryston Brincat ta’ 18-il sena minn Bormla baqa’ miżmum taħt arrest wara li l-Qorti ċaħdet it-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest, b’rabta ma’ każ ta’ aggressjoni li seħħ nhar it-Tlieta, 19 ta’ Awwissu. Il-Pulizija qalet li għall-ħabta tal-4.30pm f’Bormla persuna ġiet aggredita mill-akkużat li sofriet ġrieħi gravi.

Brincat ġie arrestat fis-7.30pm fuq iċ-ċint ta’ Verdala, u ttieħed l-Għassa ta’ Bormla. Huwa ġie mixli wkoll li kkawża biża’ lill-vittma li kienet se tintuża vjolenza kontrih, kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-bail li kien ingħata fuq każ ieħor.

Id-difiża, immexxija mill-avukati Franco Debono u Mark Mifsud Cutajar, qalet li l-vittma seta’ kien hu li beda l-argument u anke li dan il-każ seta’ jkun wieħed ta’ “self-defence”. Qalu wkoll li l-akkużat minn April tas-sena l-oħra kien dejjem osserva l-ordnijiet tal-Qorti u li jekk jintbagħat il-ħabs dan ma jkun ta’ ebda ġid għalih, iżda għandu jingħata l-opportunità għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukat Kristina Barolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-fatt li l-allegat reat sar waqt li l-akkużat kien diġà fuq bail, kif ukoll il-gravità tal-akkużi u l-preżenza ta’ xhieda okulari.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, irrimarkat li Brincat diġà kellu kundanni relatati ma’ traffiku u droga, u minkejja l-età żgħira tiegħu jidher li “qiegħed jitla’ tarġa wara l-oħra”. Tenut kont tal-gravità tal-każ, tal-fatt li l-vittma għadu ma xehedx u li wieħed mill-kapi ta’ akkuża jirrigwarda ksur tal-bail, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Ħareġ ukoll mid-difiża li se jsir rapport fuq il-fatt li l-allegat vittma saq lejn il-karozza tat-tfajla tal-akkużat u wettaq xi ħsara fuq l-istess karozza. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono u Mark Mifsud Cutajar filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Kristina Bartolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Chantelle Mifsud.