Lokali

Bżonn ta’ azzjoni konkreta biex nindirizzaw is-sitwazzjoni tas-sigurtà fit-toroq Maltin – PN

Fid-dawl tal-falliment tal-Gvern f’dan il-qasam, il-Partit Nazzjonalista jipproponi sensiela ta’ azzjonijiet konkreti biex tiżdied is-sigurtà fit-toroq

Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għad-diversi inċidenti tat-traffiku u fatalitajiet fit-toroq, l-inkwiet tal-pubbliku dwar is-sitwazzjoni fit-toroq Maltin, kif ukoll għan-nuqqas tal-Gvern li jirrispondi b’azzjoni effettiva għal dan in-nuqqas ta’ serħan tal-moħħ. Diversi għaqdiet mhux governattivi wkoll tkellmu u qajmu aktar kuxjenza dwar il-problema f’pajjiżna.

B’żieda mal-kampanja li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista dwar il-bżonn ta’ aktar sigurtà fit-toroq tagħna permezz ta’ infurzar aħjar, u fid-dawl tal-fatt li l-Gvern Laburista qed ifalli fil-miri tiegħu tal-Istrateġija Nazzjonali għat-Trasport kif tixhed iż-żieda drastika fil-fatalitajiet fit-toroq tagħna, il-Partit Nazzjonalista jenfasizza fuq il-ħtieġa li fil-pajjiż isir investiment aħjar fil-Korp tal-Pulizija, fit-Taqsima tat-Traffiku u fl-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar fit-toroq tagħna – kollha aspetti li fihom il-Gvern qed jonqos.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti fuq:

1.       Tolleranza zero għal inċidenti taħt l-effett tal-alkoħol u d-droga, u aktar saħħa legali lill-infurzar

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq dawn il-proposti għal tibdil fil-liġi permezz ta’ Private Members Bill fl-ewwel opportunità kif jiftaħ il-Parlament:

i.          Tolleranza zero għal inċidenti taħt l-effett tal-alkoħol u d-droga jew għal sewqan bla liċenzja: Issir obbligatorja u proċedura li wara kull inċident tat-traffiku fejn persuna tweġġa’ jew issir ħsara fi proprjetà għandu jsir test biex jiġi stabbilit jekk persuna kinitx qed issuq taħt l-effett tal-alkoħol jew droga. Dan minbarra li l-inċident innifsu għandu jammonta għal suspett raġjonevoli biex isir it-test ħalli jiġi sodisfatt ir-rekwiżit tal-liġi. F’każ ta’ test pożittiv, dan għandu jwassal għal revoka immedjata tal-liċenzja.

ii.        Multi ogħla: Jiġu emendati l-pieni relatati ma’ inċidenti tat-traffiku, billi naraw li jkun hemm sospensjoni itwal ta’ liċenzji tas-sewqan f’każijiet ta’ sewqan bla liċenzja, sewqan perikoluż u/jew sewqan taħt l-effett tal-alkoħol u/jew droga.

iii.     Reat kriminali ġdid: Kif diġà seħħ f’pajjiżi oħra, jiddaħħal reat kriminali speċifiku ta’ qtil jew ikkawżar ta’ ġrieħi gravi minħabba negliġenza serja, nuqqas ta’ kont u/jew sewqan perikoluż, liema reat iġorr piena minima ta’ ħames snin ħabs effettivi u li tista’ titla’ sa għomor ħabs jekk ikun hemm fatturi aggravanti.

2.       Investiment f’apparat għal testijiet dwar sewqan taħt l-effett tad-droga, mhux alkoħol biss

Preżentement il-Korp tal-Pulizija għandu 18-il breathalyser, filwaqt li l-LESA għandhom ħames breathalyser kits – li jaqbdu biss sewqan taħt l-effett tal-alkoħol. Ta’ min jinnota li minn dawn it-18 wieħed biss inxtara minn fondi pubbliċi tal-gvern. Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jemmen li dawn l-ammonti ta’ apparat għal testijiet fuq il-post għandhom jiżdiedu, pajjiżna jrid jinvesti wkoll f’kits li jagħmlu test għal sewqan taħt l-effett tad-droga. Din tal-aħħar hi problema reali fit-toroq tagħna.

3.       In-numri fil-Korp tal-Pulizija u l-allokazzjoni ta’ riżorsi aħjar fit-Taqsima tat-Traffiku

Huwa fatt li n-numri fil-Korp tal-Pulizija mhumiex ilaħħqu mal-bżonnijiet tal-Korp u l-mod kif kibret il-popolazzjoni. Dan jidher ċar min-nuqqas ta’ uffiċjali tat-traffiku preżenti fit-toroq tagħna – li l-poplu ilu jinnota, u r-riżultati qed jixhdu dan. Dan minbarra t-taħwid fil-kompetenzi bejn il-Korp u l-entitajiet tal-gvern responsabbli mill-infurzar fit-toroq.

Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja u jsellem il-ħidma tal-uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija kif ukoll lill-awtoritajiet tal-infurzar fit-toroq, li xemx u xita, jipprovdu servizz lil pajjiżna.

Il-PN jimpenja ruħu li dak li ma għamilx il-Gvern Laburista fi 11-il sena – jiġifieri li jilħaq il-mira tiegħu li jnaqqas il-fatalitajiet fit-toroq bin-nofs – jagħmlu fl-ewwel leġiżlatura tiegħu fil-gvern.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott, mix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà Mark Anthony Sammut, u mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina.