Lokali Qorti

Francine Farrugia mixlija bi frodi ta’ €2.3 miljun fuq l-MCAST tingħata l-ħelsien mill-arrest: L-awdituri qatt ma ndunaw b’xi irregolaritajiet

L-eks kunsilliera tas-Siġġiewi u maniġer fis-sezzjoni tas-salarji tal-MCAST, Francine Farrugia, ingħatat il-ħelsien, u qed tiġi akkużata bi frodi, ħasil ta’ flus, approprjazzjoni indebita u abbuż minn sistemi kompjuterizzati, allegatament b’rabta ma’ serq ta’ aktar minn €2.3 miljun mill-istitut edukattiv. Hi ngħatat il-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Rachel Montebello.

Mix-xhieda li ħareġ fil-bidu tal-kumpilazzjoni rriżulta d-diversi nuqqasijiet fejn jidħlu finanzi fl-MCAST fejn ukoll ħareġ mix-xhieda taċ-Chief Financial Controller, Marita Brincat, li l-awdituri esterni PKF Malta kienu temmew l-awditjar sal-aħħar ta’ Diċembru 2023 – l-istess sena meta allegatament Farrugia bdiet tieħu l-fondi – iżda qatt ma ġibdu l-attenzjoni għal xi transazzjonijiet suspettużi.

Brincat qalet li l-awditjar kien għalaq bl-istess opinjoni ta’ dejjem, jiġifieri li ma kien hemm ebda problemi fil-kontijiet. L-uniku dewmien kien amministrattiv minħabba bidla fil-maniġment, li wassal għad-dewmien f’dikjarazzjoni dwar min kellu jiffirma r-rapport.

“Qatt ma ġiet imqajma xi allarm dwar transazzjonijiet frawdolenti mill-awdituri,” sostniet ix-xhud, waqt li ppreżentat ukoll email minn PKF Malta fejn kienu qed jitolbu lill-MCAST biex jiffirmaw ir-rapport. Brincat, bħala financial controller, qalet li r-responsabbiltajiet tagħha jinkludu l-preparazzjoni tal-kontijiet, ir-rekords għall-awditjar, il-ġestjoni tas-salarji u l-andament ta’ kuljum tal-finanzi tal-MCAST.

Hija qalet li taf lil Farrugia mix-xogħol u spjegat li t-taqsima tal-pagi, fejn kienet taħdem l-akkużata, taqa’ taħt id-dipartiment tar-Riżorsi Umani. Ix-xhud qalet li wara li l-Pulizija tat numru ta’ kont, hija għamlet tfittxija u sabet li kien hemm numru sostanzjali ta’ transazzjonijiet marbuta miegħu. Il-kont irriżulta li kien ta’ Revolut fuq isem Farrugia.

Mill-verifika tagħha, Brincat sabet trasferimenti minn kontijiet tal-MCAST lejn diversi istituzzjonijiet bankarji – fosthom APS, HSBC, BOV u MeDirect. Fil-bidu tal-2023 dawn kienu jvarjaw bejn €5,000 u €8,000 iżda lejn l-2025 bdew jiżdiedu għal ammonti ferm ogħla, saħansitra sa €18,000.

Brincat spjegat li s-sistema tippermetti li s-salarji jiġu maqsuma bejn żewġ kontijiet, proċess li hu amministrat mill-HR. Hi stess, kull xahar, tqabbel il-bank file mal-fajl tal-pagi fuq Excel biex tivverifika li d-data taqbel.

Brincat spjegat kif f’Settembru tal-2023 – iż-żmien meta l-akkużata allegatament bdiet tagħmel it-tranżazzjonijiet doppji – il-proċess tal-verifika esterna kien għadu għaddej. Minkejja dan, l-awdituri esterni PKF Malta ma rrappurtaw l-ebda anomalija. Hija qalet li l-awditjar għal dak is-sena kien magħluq iżda mhux kompletament finalizzat minħabba tibdil fil-maniġment u diffikultajiet amministrattivi dwar min kellu jiffirma r-rapport. “Qatt ma kellna l-attenzjoni tagħna miġbuda fuq xi transazzjonijiet frawdolenti mill-awdituri,” sostniet Brincat.

Fil-verifiki tagħha, Brincat skopriet każijiet fejn ġew irrappurtati pagamenti lil xi impjegati li fil-fatt ma kenux ħadmu f’dak ix-xahar. Meta Farrugia kienet assenti mix-xogħol, dawn it-tranżazzjonijiet żejda ma kinux isiru, u l-fajl tal-bank kien jintbagħat minn xi ħadd ieħor.

Hija kkonfermat ukoll li bħala Manager II fil-payroll, Farrugia kienet f’kariga senior u kienet tirrapporta direttament lill-HR Director Adelaide Attard, li kellha r-responsabbiltà fuq is-salarji. Mistoqsija fuq il-proċess ta’ verifika, Brincat spjegat li l-MCAST tħallas bejn €1.7 miljun u €1.8 miljun f’salarji kull xahar fl-2022, u din is-somma telgħet għal bejn €1.9 u €2.2 miljun fix-xhur ta’ wara minħabba l-COLA.

Hija qalet li bħala CFO kienet tivverifika madwar 5% tal-fajl tas-salarji kull xahar, iżda dawn il-kontrolli ma qabdux ir-regolaritajiet għax “il-bidliet kienu żgħar ħafna minn xahar għal ieħor”. Meta ġiet mistoqsija mid-difiża dwar jekk is-sistema tagħtix xi “red flags”, Brincat spjegat li kull tibdil fis-sistema jħalli audit trail fi ħdan is-sistema HR Dakar, iżda hija qatt ma talbithom.

“Dejjem kien jingħad li ma tistax issir pressjoni żejda fuq dawn il-kontrolli għax l-unjin kienet tidħol jekk xi ‘lecturer’ ma jirċevix il-flus tiegħu,” qalet ix-xhud. Hija żiedet tispjega li l-fajl tal-bank kellu jintbagħat mhux iktar tard minn nhar ta’ Tnejn jew l-Erbgħa filgħodu biex il-ħaddiema jirċievu s-salarju nhar il-Ġimgħa.

Dan kien ifisser li ma kienx hemm biżżejjed ħin biex jiġu kkontrollati l-bidliet wara l-aħħar minuti. “Meta l-fajl jintbagħat, imbagħad isiru ċ-checks, imma sa dak l-istadju l-allegati tranżazzjonijiet kienu jkunu tneħħew mis-sistema,” qalet Brincat.

Meta ġiet mistoqsija mill-avukat difensur Peter Fenech jekk hu possibbli li Farrugia kienet qiegħda toħloq payslips foloz jew tranżazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-pagi tal-ħaddiema, Brincat ikkonfermat li kienu nstabu każijiet fejn fuq il-bank file kienu jidhru ħlasijiet żejda, iżda dawn ma kinux riflessi fuq il-payslips tal-impjegati u lanqas ma ġew irrappurtati lill-awtoritajiet tat-taxxa.

Il-Qorti saret taf ukoll li ma kienx hemm rikonċiljazzjoni diretta bejn il-fajls tal-bank u l-ispejjeż attwali tal-MCAST, u li lanqas l-awdituri esterni qatt ma indikaw dan bħala problema. Quddiem il-Qorti ppreżentat fajl li juri kif f’Mejju 2025 biss saru 12-il trasferiment differenti lejn il-kont Revolut ta’ Farrugia.

Filwaqt li isimhom jidher bħala impjegati leġittimi tal-MCAST, id-dettalji bankarji kienu ta’ Farrugia. Hija spjegat ukoll li l-ħlasijiet lill-impjegati tal-MCAST mhumiex fissi għaliex xi part-timers jaħdmu sigħat extra u jistgħu jirċievu bejn €40 u €400, li jagħti xi varjazzjoni naturali fil-fajls.

Meta bdiet taħdem lura mill-2025, Brincat sabet aktar ħlasijiet duplikati lejn kontijiet oħra f’diversi banek. Għalkemm l-ewwel kienu “ammonti relattivament żgħar”, aktar tard kibru b’mod sostanzjali. Hija kkonfermat li l-impjegati ma rċevewx dawn il-ħlasijiet żejda billi vverifikat il-payslips tagħhom. Il-ħlasijiet frawdolenti kienu jidħlu biss fil-bank file, iżda ma jidhrux fuq il-payslips uffiċjali.

Spjegat kif is-sistema tal-MCAST tipproduċi żewġ fajls: wieħed fil-format .xml li jiġi ppreparat mill-unità tal-pagi – ġeneralment minn Farrugia – u ieħor intern li għandu jikkorrispondi. Iżda fil-każ tal-frodi, it-transazzjonijiet foloz tneħħew mis-sistema sabiex ma jidhrux fuq id-dokumenti uffiċjali.

Brincat ippreżentat payslip ta’ impjegat li rċieva xi ftit aktar minn €2,000 f’xahar partikolari. Madankollu, payslip ieħor – li qatt ma ngħata lill-impjegat u li baqa’ mhux imħassar mis-sistema – juri aġġustament ta’ taxxa li jammonta għal €9,135, li spiċċa direttament fil-kont ta’ Farrugia. Din il-metodoloġija, spjegat, kienet bypassjat l-awtoritajiet tat-taxxa.

Ix-xhud enfasizzat li l-MCAST qatt ma kellu problemi mal-Inland Revenue u l-ebda impjegat qatt ma kkonferma li ma rċeviex is-salarju tiegħu. Hija żiedet tgħid li minkejja li s-sistema turi biss li ħlasijiet marru lejn ċerti banek bħall-HSBC jew BOV, ma kienx possibbli li wieħed jassumi li kienu dejjem għall-istess persuna, għaliex ħafna impjegati jużaw l-istess istituzzjonijiet bankarji.

Brincat qalet li l-avukat tad-difiża, l-avukat Peter Fenech, li staqsiha jekk is-sistema HR Dakar tindikax xi “red flags” f’każ ta’ bidliet mhux tas-soltu. Hija wieġbet li kull tibdil iħalli warajh ‘audit trail’ iżda ammettiet li qatt ma talbitha. Fil-fatt, żiedet tgħid li minn dejjem kien jingħad li l-proċess isir b’urġenza biex l-impjegati jirċievu l-flus fi żmienhom, għax inkella kienet tinvolvi ruħhu l-unjin.

Hija spjegat li l-fajl tal-bank kellu jintbagħat nhar ta’ Erbgħa filgħodu biex il-ħaddiema jitħallsu nhar il-Ġimgħa. Dan kien ifisser li ma kienx hemm ħin biżżejjed biex jiġi eżaminat kull tibdil li jsir wara l-approvazzjoni tagħha. “Kont inħoss xi skumdità dwar xi bidliet li rajt, imma l-verifika tiegħi kienet issir wara li l-fajl jintbagħat,” qalet ix-xhud.

Meta ġiet mistoqsija mid-difiża jekk qatt awditjatx jew qabditx xi żbalji fil-payroll, Brincat qalet li le, għax il-proċess ta’ kontroll tagħha jsir wara l-emissjoni tal-bank file. Spjegat li l-analiżi tal-payroll li tirċievi hija differenti mill-bank file finali.

L-Avukat Fenech ippressaha dwar jekk qatt indunatx li l-istess numru ta’ kont bankarju kien intuża aktar minn darba. Brincat wieġbet li jkun diffiċli ħafna biex tinnota xi ħaġa bħal din għax l-entrati ma jkunux imqiegħda waħda wara l-oħra iżda mqassma skont id-dipartimenti.

Il-bank file li tirċievi hija maħruġa skont id-dipartiment. Għall-verifika tagħha, hija tissortja mill-ġdid id-data skont il-pagi gross u tagħżel kampjun ta’ 5% mifrux fuq tliet brackets: €0–€2,500, €2,500–€4,000 u €4,000+. Jekk issib xi anomali, tkabbar il-kampjun. Din il-metodoloġija kienet ukoll awditjata mid-dipartiment tal-awditu intern immexxi minn Mark Borg.

Fuq mistoqsija oħra, Brincat ikkonfermat li ma rċevitx abbozzi ta’ statements finanzjarji għall-2024. Hija insistiet li bħala CFO hija biss tara figura globali tas-salarji u mhux dettalji individwali, u għalhekk “ma tafx min jieħu kemm”.

Ix-xhud ikkonfermat ukoll li wara li hija kienet tapprova l-bank file, kienu jsiru xi “amendments”. Meta l-Qorti u Fenech staqsew x’jiġri wara dawn l-emendi, Brincat qalet li hi ma terġax tirċievi bank file ġdid, iżda Farrugia kienet tibgħatilha biss l-emendi permezz ta’ email.

L-ewwel xhud kien l-Ispettur Wayne Rodney Borg, li mexxa l-investigazzjonijiet tal-Pulizija. Huwa spjega kif Farrugia kienet toħloq pagi foloz jew duplikati billi tuża l-ismijiet ta’ impjegati reali, biex il-fondi jintbagħtu fil-kont personali tagħha fuq Revolut. “Impjegat kien jirċievi l-paga tiegħu, u bl-istess identità Farrugia kienet tgħaddi pagi oħra lilha nnifisha,” qal l-Ispettur.

Mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-akkużata trasferiet €1.9 miljun fil-kont tagħha ta’ Revolut, filwaqt li €442,000 oħra spiċċaw f’kontijiet bankarji lokali. Il-pulizija sabu wkoll li b’dawn il-flus Farrugia xtrat propjetajiet, vetturi, u nefqet €113,000 fi ħwejjeġ minn Harrods ta’ Londra.

L-arrest tagħha sar fis-6 ta’ Awwissu għall-ħabta tat-8.50pm, meta l-Pulizija marru fir-residenza tagħha. Hemmhekk sabu ġiżirana li tiswa madwar €5,000 u kollezzjoni impressjonanti ta’ ħwejjeġ tad-ditta u basktijiet ta’ €200,000. Minkejja dan, Farrugia għażlet li tibqa’ siekta waqt l-interrogazzjoni, akkumpanjata mill-avukat tagħha Dr Peter Fenech.

L-Ispettur Borg irrimarka li kien “kważi impossibbli” li xi ħadd fl-MCAST ikollu paga gross ta’ €7,000 fix-xahar, iżda l-APS Bank ikkonferma li dawn il-ħlasijiet kienu qed isiru. Spjega wkoll li kien partikolarment diffiċli jsegwi l-flus trasferiti lejn Revolut, minħabba li dawn kienu jitqassmu f’kontijiet differenti f’banek bħall-HSBC, BOV u APS.

L-investigaturi sabu wkoll ħolqien ta’ profili foloz ta’ impjegati full-time, fejn id-dettalji tagħhom kienu “cloned” biex jitwettqu pagamenti frawdolenti. F’każijiet oħra, intużaw ukoll profili ta’ madwar tmien part-timers li lanqas biss kienu jirċievu pagi regolari, iżda d-dettalji tagħhom xorta waħda kienu sfruttati biex jintbagħtu l-flus lil Farrugia.

L-Ispettur irrimarka li bejn l-2022 u l-2023 kien hemm żieda qawwija fil-pagi totali tal-MCAST. Fl-2022 l-istituzzjoni kienet tħallas bejn €1.7 miljun u €1.8 miljun fix-xahar, iżda din is-somma telgħet għal bejn €1.9 u €2.2 miljun fix-xahar fl-2023, żieda li tqajjem iktar suspett fuq l-iskema allegata.

Xehdet ukoll Anita Muscat, Manager I fi ħdan l-istituzzjoni. Muscat qalet li ngħaqdet mal-MCAST fl-2022 bħala parti mit-tim tar-riżorsi umani, iżda aktar tard ġiet assenjata lill-unità tal-pagi biex tkopri nuqqas ta’ staff u baqgħet hemm.

Hija spjegat fid-dettall il-proċedura tal-pagi: wara li tidaħħal id-data tal-impjegati, kien ikun hemm audit file li kienet tiġi ġġenerata minn Farrugia u mibgħuta lil Brincat għall-approvazzjoni. Wara l-approvazzjoni, kienet proprju Farrugia li toħroġ il-bank file li permezz tiegħu jitħallsu l-impjegati.

Il-proċess jinkludi wkoll analiżi tal-pagi b’dettall ta’ kull ħlas individwali, li tintbagħat lill-financial controller. Dan kien isir kontroll fuq xi 50 ħlas qabel jagħti l-aċċess biex il-bank file jinħareġ. Muscat spjegat li l-payslips dejjem jiġu rilaxxati fl-aħħar ġimgħa tax-xahar.

Muscat, li llum hija responsabbli wkoll mir-rikonċiljazzjoni tal-pagi – kompitu li qabel kien f’idejn Farrugia – qalet li tuża sistema msejħa DAKAR flimkien ma’ spreadsheet fuq Excel li jintwera lill-financial controller. Minkejja li hi tħejji l-bank file meta jkun hemm bżonn, Muscat stqarret li hi stess ma kellhiex aċċess biex tara l-bank file wara li jitniżżel.

Il-proċess, qalet, kellu safeguards: jekk tinnota xi żball fuq payslip, kienet twaqqaf il-proċess immedjatament. Hija wkoll tidħol l-entries tas-salarji u spjegat li impjegati li jaħdmu fuq diversi proġetti jistgħu jkollhom diversi entries li eventwalment jiġu miġbura f’payslip wieħed.

Il-kontroll fuq l-aċċess kien ivarja skont ir-rwol. Muscat spjegat li bejn Settembru 2023 u Ġunju 2025 kienet proprju Farrugia li dejjem kienet toħloq il-bank file, għalkemm jekk din ma kinitx preżenti kienet tkun hi li toħloq dan id-dokument. Hija rrakkuntat ukoll kif għall-pagi ta’ Lulju, hi kienet iġġenerat l-audit file tard – madwar is-7.30 ta’ filgħaxija – u wara ħolqot ukoll il-bank file u bagħtitu lil Brincat.

Ftit jiem wara, qalet Muscat, irċeviet telefonata minn Farrugia li qaltilha: “Jien bgħattilha l-bank file għax sibt żball fl-NI.” Hija kkonfermat ukoll li kemm hi kif ukoll Farrugia kellhom aċċess biex jagħmlu tħassir fis-sistema u li dan l-aċċess seta’ jsir ukoll minn barra l-MCAST, jiġifieri mid-dar.

Wara saret talba mid-difiża għall-ħelsien mill-arrest ta’ Francine Farrugia li ma sabet l-ebda oġġezzjoni mill-prosekuzzjoni. Il-Qorti laqgħet it-talba fuq depożitu ta’ €50,000 u garanzija personali ta’ €25,000, li tmur tiffirma l-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi kuljum bejn it-8am u l-4pm u li se tgħix fid-dar ta’ missierha fis-Siġġiewi.

Il-każ se jkompli nhar it-Tlieta, 26 ta’ Awwissu fid-9am.

Skont l-investigazzjonijiet, Farrugia sfruttat l-aċċess tagħha għas-sistema interna tal-pagi bejn l-2023 u l-2025 biex toħroġ ħlasijiet duplikati favuriha nnifisha. L-ammont totali allegatament misruq jilħaq €2,337,258.80, bi aktar minn €1.9 miljun li ġew trasferiti direttament fil-kont Revolut tagħha, u somom oħrajn – fosthom trasferiment ta’ €200,000 – li tħallsu lil nutar.

Meta ġiet arrestata fl-uffiċċju tagħha fit-tlieta, il-Pulizija sabu fid-dar tagħha ammont kbir ta’ oġġetti lussużi, kuntratti ta’ proprjetà u provi ta’ xiri ta’ vetturi. Il-prosekuzzjoni qalet li l-fondi ntużaw ukoll għal xiri massiċċ fi ħwienet ta’ klassi għolja, fosthom €113,000 f’Harrods.