Lokali

Il-ħanut The Wembley Store fil-Belt Valletta jagħlaq il-bibien tiegħu wara 101 sena

Fl-1924, Emmanuel Gauci kien qal lil missieru li xtaq imexxi The Wembley Store fil-Belt Valletta għal sena, iżda dan il-ħanut spiċċa għadda minn tliet ġenerazzjonijiet tal-familja. U issa, wara 101 sena, se jagħlaq il-bibien tiegħu.

Dan ġie spjegat f’intervista mat-Times of Malta minn wieħed mid-diretturi ta’ The Wembley Store Christopher Gauci, li spjega kif la issa hu u ħuh laħqu l-età li jirtiraw, huma ħassew li x-xewqa li kellu n-nannu tagħhom, imbagħad missierhom, twettqet bi sħiħ.

Id-deċiżjoni li jagħlqu l-ħanut wara riflessjoni bir-reqqa kienet kompletament volontarja, u mhux imqanqla minn problemi ta’ kiri jew miż-żieda ta’ stabbilimenti tal-catering. Gauci qal li għalkemm il-ftuħ ta’ supermarkets fil-Belt kellu impatt fuq in-negozju ta’ The Wembley Store, dan qatt ma ħalla effetti f’livell kritiku.

Gauci qal li mill-bidu nett ta’ The Wembley Store, huma kienu jiffukaw fil-bejgħ tal-ispeċjalitajiet tal-ikel u meta l-ħanut ġie rrinnovat fl-2010, wieħed mill-oġġettivi tiegħu kien li jikkonċentra fuq ikel u nbid minn produtturi żgħar u lokali.

Ħu Christopher, Noel Gauci qal ukoll mat-Times of Malta li dan il-ħanut ma kienx biss ħanut, iżda parti mill-istorja tal-familja tagħhom, u minkejja li din kienet deċiżjoni diffiċli, huma ħassew li ż-żmien kien tajjeb li jagħmlu dan il-pass.

Noel Gauci qal li dan il-bini se jkompli jintuża bħala ħanut għal linja ta’ negozju differenti, iżda mhux bħala stabbiliment ta’ catering.

The Wembley Store għadda minn ħafna matul dawn l-aħħar 101 sena, fosthom kif minkejja li l-faċċata tiegħu sofriet ħsarat estensivi mill-bombi tat-Tieni Gwerra Dinjija, hu xorta baqa’ miftuħ – iżda minflok beda jbigħ l-ikel beda jqassam ir-rations tal-ikel.