Lokali

Il-Kummissarju għall-Istandards ma jsib xejn, lanqas dwar ix-Shadow Minister tal-PN Justin Schembri – PN

Ritratt: Martin Agius

Il-PN għadu qed jistenna li Robert Abela jagħmel apoloġija pubblika fil-konfront tad-Deputati Toni Bezzina, Robert Cutajar u Ivan Castillo, u issa anke fil-konfront ta’ Justin Schembri, wara kampanja sħiħa b’allegazzjonijiet li mhumiex jidħlu għax-xogħol

Wara li diġà xejjen l-allegazzjonijiet infondati li saru mill-Partit Laburista u mill-fazzjoni faxxista fi ħdanu fil-konfront ta’ diversi Deputati u Shadow Ministers tal-Oppożizzjoni, issa l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma sab xejn lanqas fil-konfront tax-Shadow Minister Justin Schembri li wkoll kien ġie allegat li mhux qed jidħol għax-xogħol.

Bħalma ġara fil-każ ta’ Toni Bezzina, Ivan Castillo u Robert Cutajar, anke fil-każ ta’ Justin Schembri kienet saret kampanja sħiħa fil-pubbliku minn Robert Abela, mil-Labour u minn attivisti qrib il-Partit Laburista biex jippruvaw iħammġu lid-Deputat Nazzjonalista b’allegazzjonijiet li kien qed jiskarta mill-post tax-xogħol bħala għalliem impjegat mal-gvern.

Imma issa, il-Kummissarju għall-Istandards, f’rapport li għadu kif ġie ppubblikat wara investigazzjoni li ilha għaddejja minn Novembru fuq ilment li kien infetaħ minn Neville Gafà, xejjen l-allegazzjonijiet kollha li saru u ma sab l-ebda irregolaritajiet jew ksur ta’ etika. Il-Kummissarju qal li mhux minnu li Justin Schembri ma jattendix għax-xogħol kif kien allegat u qed jagħlaq il-każ. Ir-rapport intbagħat ukoll lill-Kumitat Parlamentari dwar l-Istandards.

B’hekk issa ġiet imxejna għalkollox il-kampanja maħmuġa li l-Labour mexxa kontra dawn id-Deputati tal-Oppożizzjoni. Filwaqt li fil-każ ta’ Justin Schembri u Toni Bezzina l-Kummissarju għall-Istandards ma sab l-ebda prova li tissostanzja l-allegazzjonijiet li saru wara investigazzjonijiet dettaljati li għamel, fil-każ ta’ Ivan Castillo u Robert Cutajar kien iddeċieda li lanqas kien hemm lok li jiftaħ investigazzjoni fuq l-ilmenti li tressqu kontrihom. Akkużi simili kienu saru wkoll kontra Deputati oħra tal-PN li però l-Labour ma kien ressaq l-ebda lmenti dwarhom.

Il-Partit Nazzjonalista għadu qed jistenna li l-Prim Ministru Robert Abela jagħmel apoloġija pubblika u jiskuża ruħu mad-Deputati tal-Oppożizzjoni Toni Bezzina, Robert Cutajar, Ivan Castillo u issa – anke mad-Deputat Justin Schembri – wara li l-allegazzjonijiet kollha li saru kontrihom sfaw fix-xejn.

Bħalma Robert Abela għamel kampanja sħiħa fil-pubbliku jattakka u jipprova jħammeġ lid-Deputati Nazzjonalista li ma jidħlux għax-xogħol, hekk ukoll issa għandu jagħmel apoloġija pubblika fil-konfront tagħhom.

Dan kollu jkompli jikkonferma kif meta jkun dahru mal-ħajt, minflok jindirizza l-korruzzjoni li hu mdawwar biha, Robert Abela jipprova jitfa’ t-tajn fuq ħaddieħor biex idawwar l-attenzjoni minn fuqu. Fil-fatt, l-ilmenti kontra d-Deputati tal-Partit Nazzjonalista kollha kienu tressqu f’Novembru li għadda fi spazju ta’ ftit jiem, fl-istess ġimgħa meta Robert Abela kien qed jiffaċċja kriżi bla preċedent li wasslet biex kellu jneħħi mill-kariga Ministru ewlieni fil-Kabinett Laburista.

Dan b’rabta mal-każ ta’ frodi li fih inkixef kif Amanda Muscat, il-mara tal-eks Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, kienet ingħatat impjieg ta’ konsulenza fantażma fil-Ministeru ta’ sieħeb Bartolo, Clint Camilleri. Skandlu li kien wassal biex Bartolo jirriżenja kemm minn Ministru kif ukoll mill-Grupp Parlamentari Laburista. Dwar dan il-każ ukoll saret investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards li sab kemm lil Clayton Bartolo kif ukoll lil Clint Camilleri ħatja ta’ abbuż ta’ poter u ksur tal-kodiċi ta’ etika.

Minkejja li l-Ministru għal Għawdex instab ħati daqs Clayton Bartolo f’dan il-każ, Robert Abela baqa’ jiddefendi lil Clint Camilleri u ma neħħiehx mill-kariga.