Hemm ftit xogħlijiet artistiċi li laħqu l-istess livell ta’ fama u rikonoxximent bħall-Mona Lisa ta’ Leonardo da Vinci, li ħoloqha bejn l-1503 u l-1519. Iktar minn 10 miljun persuna jmorru jaraw il-Mona Lisa kull sena fil-Louvre fi Franza, u b’hekk din li l-iktar pittura miżjura fid-dinja. Minkejja l-fama internazzjonali ta’ din il-pittura, ħafna nies ma jafux li din il-pittura kienet suġġett ta’ waħda mill-iżjed serqiet popolari tal-arti.
Il-Mona Lisa, ilha esposta fil-Louvre mill-1797, iżda fil-21 ta’ Awwissu 1911, insterqet mill-mużew u sparixxiet għal kważi tliet snin. Fil-bidu, l-impjegati tal-Louvre ma ndunawx bis-serq, hekk kif spazju vojt fuq il-ħajt ma kienx xi ħaġa mhux tas-soltu, minħabba li x-xogħlijiet artistiċi kienu ta’ spiss jitneħħew biex jittieħdu għal ritratti jew tindif. Iżda tlett ijiem wara s-serqa, l-artist Louis Béroud żar il-mużew u staqsa lill-gwardjan dwar il-pittura nieqsa. Meta l-gwardjan ma setax isibha, ġiet imsejħa l-Pulizija.
Wara li ssejħu l-Pulizija, saret tfittxija estensiva, filwaqt li r-rispons mill-midja għenet biex iżżid il-popolarità tal-pittura mal-pubbliku. Għal ġimgħa sħiħa, il-Louvre baqa’ magħluq sakemm saret din l-investigazzjoni.
Fil-verità, il-pittura kienet għadha Pariġi stess, moħbija għal sentejn fl-appartament tal-persuna li wettaq is-serqa, Vincenzo Peruggia. Peruggia kien jaħdem bħala manutenzjonist fil-Louvre u anke għen fil-kostruzzjoni tal-kaxxa tal-ħġieġ protettiv tagħha. Huwa seraq il-pittura waqt il-ħinijiet tal-ftuħ tal-mużew, u meta ingħalaq il-mużew hu ħareġ b’waħda mill-aktar pitturi ta’ valur fid-dinja taħt il-coat tiegħu.
Għalkemm ġie mistoqsi darbtejn mill-awtoritajiet, li intervistaw lill-ħaddiema kollha permanenti u kuntrattwali tal-Louvre, Peruggia qatt ma kien meqjus suspettat serju.
Sa Dicembru tal-1913, Peruggia tilef il-paċenzja. Bħala immigrant u patrijott Taljan, hu kien jemmen bis-sħiħ li l-Mona Lisa kellha terġa’ lura l-Italja u offra li jbigħ il-pittura lil gallerist Taljan għal 500,000 lira. Il-gallerist talab lil Giovanni Poggi, direttur tal-Galleriji Uffizi ta’ Firenze, biex jivverifika l-awtentiċità tax-xogħol. Malli Poggi kkonferma li kienet tassew il-Mona Lisa, l-irġiel qalulu lil Peruggia li kienu se jżommuha għas-‘sigurtà’ iżda mill-ewwel ċemplu lill-awtoritajiet, li arrestawh.
Ix-xogħol imbagħad tqiegħed għall-wiri fil-Galleriji Uffizi għal ġimagħtejn qabel reġa’ mar lura Pariġi. Fl-4 ta’ Jannar tal-1914, il-Mona Lisa kienet fl-aħħar irkuprata mil-Louvre. Peruggia serva sitt xhur ħabs għal dan ir-reat u ġie meqjus bħala eroj nazzjonali fl-Italja.
Għalkemm Peruggia nnifsu ġie minsi, is-serqa tiegħu hi bla dubju mniżżla fl-istorja tal-arti. Is-serq kabbar l-appell internazzjonali tal-Mona Lisa – appell li għadu jżomm saħansitra 500 sena wara li tpittret.
