Wieħed minn erbgħa akkużati b’rabta mal-serq ta’ droga mill-kwartieri tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) f’Ħal Safi rnexxielu jġiegħel lill-Qorti tnaqqaslu aktar id-depożitu tal-ħelsien mill-arrest, wara li għal xhur baqa’ miżmum il-ħabs minkejja li ngħata l-bail.
L-akkużat, Yousef Essessi, ta’ 33 sena residenti San Pawl il-Baħar, kien ingħata l-ħelsien proviżorju f’Ġunju iżda baqa’ jinżamm arrestat peress li ma setax iħallas id-depożitu ta’ €20,000 impost mill-Qorti. Essessi kien diġà ressaq tliet appell separati sabiex id-depożitu jitnaqqas, u kien biss fit-tielet tentattiv tiegħu li rnexxielu jikseb riduzzjoni sostanzjali, wara li ppreżenta dokumentazzjoni biex juri l-diffikultajiet finanzjarji tiegħu.
Meta l-każ tfaċċa għall-ewwel darba, Essessi, flimkien ma’ Sean Attard ta’ 30 sena minn Ħaż-Żebbuġ u l-aħwa Carlos u Cleaven Pace, ta’ 23 u 19-il sena minn Marsa, kienu ġew ordnati jipprovdu €30,000 depożitu u €40,000 garanzija personali kull wieħed. L-erbgħa baqgħu arrestati inizjalment, sakemm, wara xahar, il-Qorti reġgħet ikkunsidrat it-talba tagħhom u niżżlet id-depożitu għal €20,000 iżda żiedet il-garanzija għal €50,000.
Attard u l-aħwa Pace rnexxielhom eventwalment jiġbru l-flus meħtieġa u ngħataw il-ħelsien, iżda Essessi ma setax jaffordja aktar minn €10,000, u għalhekk baqa’ miżmum. It-tieni talba tiegħu għal tnaqqis kienet miċħuda, iżda fit-tielet tentattiv il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo, laqgħet id-dokumenti tiegħu u qieset ukoll iż-żmien li qatta’ fil-ħabs minkejja li kellu bail.
B’hekk id-depożitu tiegħu ġie mnaqqas għal €12,000, filwaqt li l-garanzija personali reġgħet żdiedet għal €57,000. Il-kundizzjonijiet l-oħra tal-bail baqgħu l-istess.
L-erbgħa l-imputati qed jiffaċċjaw akkużi gravi ta’ serq armat, konfoffa kriminali għall-finijiet tat-traffikar tad-droga, u pussess ta’ raża tal-kannabis mhux għall-użu personali. Huma kollha wieġbu mhux ħatja.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Maria Francesca Spiteri u Kevin Valletta, flimkien mal-Ispetturi tal-Pulizija Mark Anthony Mercieca, Alfredo Mangion u Jeffrey Scicluna Briffa.
Essessi huwa difiż mill-avukati Amadeus Cachia u Nicholas Mifsud, filwaqt li l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Adreana Zammit u Charles Mercieca qed jassistu lil Cleaven u Carlos Pace. Għall-akkużat Attard qed jidhru l-avukati Franco Debono u Matthew Xuereb.
//= $special ?>