Kunsilli Lokali Lokali

Inkwiet kbir fost il-kunsillieri Laburisti tal-Fgura

Il-firda fil-Partit Laburista qed tkompli tinfirex, anke fost il-Kunsillieri tal-Labour, bil-ġlied jasal sal-kunsillieri Lokali tal-Fgura.

Id-diżgwid ilu għaddej minn propju wara l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali, sena ilu – iżda aktar ma jmur aktar qed ikompli jinfiltra u jaffettwa d-dinamika ta’ bejn il-Kunsilliera Laburisti.

Infatti, il-laqgħa tal-Kunsill Lokali tal-Erbgħa kellha tiġi sospiża għaliex il-Viċi Sindku u żewġ kunsillieri Laburisti telqu ‘l barra, wara li kien hemm argument mas-Sindku Laburista Clayton Cascun Portelli.

Il-kwistjoni kollha ddur ma’ dikjarazzjoni li ppreżenta l-Viċi Sindku tal-Fgura, Darren Marmara, f’ismu u f’isem żewġ kunsilliera kollegi tiegħu Adrian Tanti u Josianne Scicluna. Id-dikjarazzjoni kienet b’rabta ma’ infiq li l-Kunsill għamel sabiex jippreżenta appell għal applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar għal bini fuq medda ta’ art li tinsab fit-triq prinċipali – fejn qabel kien hemm ir-Razzett l-Antik tal-Fgura.

Kien hawn li s-Sindku Laburista, Clayton Cascun Portelli, ipprova jagħmel stqarrija li tirribatti l-kontenut tal-istqarrija ppubblikata mis-suppost kollega tiegħu, Darren Marmara.

Bl-argument tant jeskala, li l-Viċi Sindku, u l-Kunsilliera Laburisti Josianne Scicluna u Adrian Tanti telqu ‘l barra mill-kamra – bir-riżultat li ntilef il-kworum u għalhekk kellha tiġi sospiża l-laqgħa tal-kunsill.

Huwa fatt magħruf li l-Viċi Sindku Darren Marmara kien diġà qed jipproġetta ruħu bħala Sindku propju s-sena l-oħra qabel l-elezzjonijiet ta’ Mejju, fejn kien qed ikun appoġġjat b’mod apert minn esponent ewlieni tal-faxxa estremista tal-Partit Laburista – Karl Stagno Navarra, bil-barka tal-Partit Laburista.

Iżda, minkejja li l-kampanja kienet kollha ffukkata fuq kif tmexxa l-Kunsill Lokali preċedenti – li kien immexxi minn maġġoranza Laburista – il-pjan sfaxxa fix-xejn hekk kif ġie elett Cascun Portelli fit-tmun ta’ dan il-kunsill.

Intant, jirriżulta li interventi mill-qalba tal-Partit Laburista qed jisfaw fix-xejn hekk kif – skont sorsi mill-kurituri taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet – aktar ma jgħaddi żmien aktar qed jiżdied l-inkwiet tal-Partit Laburista f’din il-lokalità. Biż-żewġ fazzjonijiet, fi ħdan il-Kunsillieri Laburisti fil-Fgura jkomplu joħolqu diżgwid u problemi fil-Kunsill Lokali tal-Fgura; għad-detriment tar-residenti.