Internazzjonali

Knisja storika ta’ 113-il sena tilħaq id-dar ġdida tagħha wara vjaġġ ta’ jumejn

Knisja storika fl-Iżvezja laħqet id-dar il-ġdida tagħha wara li għamlet vjaġġ ta’ 5 km, hekk kif minjiera tal-ħadid li qed tespandi kienet qed thedded l-istabbiltà tal-belt Ewropea ta’ Kiruna.

Il-Knisja ta’ Kiruna, li għandha 113-il sena u tiżen madwar 672 tunnellata, tpoġġiet fuq trailers kbar apposta b’224 rota, u mxew b’pass ta’ madwar 500 metru fis-siegħa.

Biex jintlaħaq dan is-suċċess, l-inġiniera neħħew il-kolonni tad-dawl u d-dwal tat-traffiku mit-toroq, sabiex jiżguraw li l-knisja tiċċaqlaq f’biċċa waħda.

Il-vjaġġ ta’ jumejn tal-knisja beda nhar it-Tlieta fuq żewġ trailers ċatti remote-controlled, u waslet fiċ-ċentru tal-belt ta’ Kiruna nhar l-Erbgħa waranofsinhar.

Dan sar bħala parti minn sforz ikbar biex tiġi rilokata l-belt sħiħa ta’ Kiruna sabiex takkomoda l-espansjoni tal-akbar minjiera tal-ħadid fl-Ewropa.

Il-kumpanija tal-istat LKAB, li topera l-minjiera, dgħajfet l-art minħabba t-tħaffir fond estensiv, u b’hekk inħoloq il-bżonn sabiex jiġu rilokati l-infrastruttura u d-djar.

Għalkemm kien hemm xi passaġġi dojoq u dawriet ta’ 90 grad, il-vjaġġ mar bla problemi għall-konvoj ta’ 1,200 tunnellata.

Ir-rilokazzjoni qanqlet interess kbir, b’eluf ta’ nies imxew fit-toroq biex jaraw dan l-avveniment “storiku”.

LKAB sostniet li l-post il-ġdid ġie magħżul biex jinżamm il-karattru u l-konnessjoni tiegħu mal-ambjent ta’ madwaru. F’dikjarazzjoni qalu wkoll li l-bini ddawwar mdawwar b’180 grad, jiġifieri issa l-artal iħares lejn il-punent – għażla simbolika li tiftaħ il-knisja lejn il-belt u r-residenti tagħha,

Ir-Re Carl XVI Gustaf ukoll ħa sehem fil-festi meta waslet il-knisja nhar l-Erbgħa.

Il-mossa qajmet dibattitu kbir, hekk kif ħafna kkritikaw lil LKAB talli qerdet il-belt kollha. U b’risposta għal dan, huma qalu li offrew kumpens finanzjarju lil dawk affettwati mir-rilokazzjoni, jew li jerġgħu jibnu d-djar jew il-bini tagħhom.