Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, semgħet il-każ ta’ Daniel Portelli, raġel ta’ 42 sena residenti l-Imsida, li l-Ħamis wara nofs inhar wieġeb mhux ħati għal sensiela ta’ akkużi marbuta ma’ theddid ‘online’ kontra żewġ Spetturi tal-Pulizija.
Portelli ġie mixli li kkaġuna biża’ serju fl-ispettur Mohammed Shurrab li seta’ jintuża vjolenza kontrih fil-kapaċità tiegħu ta’ uffiċjal pubbliku, kif ukoll li hedded lill-ispettur Roxanne Tabone wkoll fil-qadi ta’ dmirijietha. Barra minn hekk, qed jiffaċċja akkużi ta’ użu ħażin ta’ apparat elettroniku, ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u xandir ta’ aħbarijiet foloz.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif il-kummenti u t-theddid allegatament seħħew bejn 26 ta’ April u 21 ta’ Awwissu ta’ din is-sena. L-aħħar allarm tqajjem il-Ħamis filgħodu meta l-akkużat, permezz ta’ post fuq Facebook, hedded li jisplodi l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Il-postijiet kienu qed isiru minn profil falz bl-isem ta’ “Alex Borg”, li kellu ritratt tal-profil tal-Ispettur Shurrab. L-investigaturi kkonfermaw li l-kont kien ilu inattiv għal xi żmien, iżda reġa’ tqajjem apposta biex jintuża kontra ż-żewġ uffiċjali.
Jidher ukoll li kien hemm rabta ma’ każ ieħor pendenti, fejn Portelli kien diġà akkużat għal reati simili. Fil-fatt, nhar l-1 ta’ April kien ammetta fil-Qorti li bagħat messaġġi ta’ theddid lill-Pulizija, fejn sostna li kellu jispara lejn ajruplani u fuq in-nies. L-istess żewġ ispetturi kienu membri tat-tim tal-prosekuzzjoni f’dak il-proċess.
Fost it-theddid, Portelli kiteb li l-ispetturi “jixirqilhom il-mewt” u anke ddikjara li wieħed minnhom kellu jgħix sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu. Meta l-Pulizija marret tarrestah, hu rreżista u inizjalment irrifjuta jiftaħ il-bieb tad-dar.
Hu ma ridx lanqas jagħti l-mobile tiegħu, li fl-aħħar instab moħbi fil-magna tal-ħasil wara li ammetta hu stess. L-investigaturi nnutaw li waqt ir-reżistenza tiegħu kienu qed jitħassru xi postijiet minn fuq il-profil falz f’ħin reali.
Il-proċess tal-arrest ma ġiex ikkontestat fil-Qorti, iżda ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. Minflok, id-difiża – immexxija mill-avukati Franco Debono, Adreana Zammit u Anthea Bonnici Zammit – talbet li Portelli jinżamm fil-Forensic Ward tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin (CCF).
Il-Qorti rrakkomandat lid-direttur tal-ħabs biex l-akkużat jiġi immedjatament eżaminat minn esperti mediċi u psikjatriċi sabiex jiġi deċiż l-aktar kundizzjonijiet xierqa għad-detenzjoni tiegħu. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Zachary Zammit.
//= $special ?>