Lokali Qorti

Mixli li hedded lis-sieħba tiegħu b’sikkina għax ma weġbitx it-telefonati tiegħu

Il-Qorti semgħet kif raġel Albaniż ta’ 34 sena, Beqir Bajraktari, allegatament hedded lill-partner tiegħu b’sikkina u ta diversi daqqiet wara li din ma weġbitx it-telefonati tiegħu. L-inċident seħħ it-Tnejn li għadda fir-residenza tagħhom f’San Pawl il-Baħar, fejn jgħixu flimkien ma’ binhom.

L-akkużat, li jaħdem bħala barbier, wieġeb mhux ħati għall-akkużi li kkaġuna ġrieħi gravi u li hedded lill-vittma. L-Ispettur Antonello Magri spjega li l-problema nibtet meta l-akkużat ipprova jċempel lill-partner tiegħu, iżda din ma weġbitux għax kienet fuq ix-xogħol u ħalliet il-mobile silenzjuż. Meta waslet id-dar, qam argument bejniethom hekk kif Bajraktari beda jinsisti għaliex ma weġbitux.

Sabiex jikkalma, l-akkużat mar waħdu l-baħar fejn xorob l-alkoħol, iżda malli rritorna d-dar, il-ġlieda reġgħet faqqgħet. Din id-darba, skont ix-xhieda tal-Ispettur, Bajraktari qabad sikkina u heddidha, u saħansitra mar biha fil-viċinanzi tagħha qabel poġġiha lura. Imbagħad beda jiġġieled magħha bl-idejn u jagħtiha daqqiet bil-mobile.

“It-tifel tagħhom kien xhud ta’ dan kollu, jiġri dieħel u ħiereġ mill-kamra jibki,” qal l-Ispettur fil-Qorti. Id-difiża, immexxija mill-avukat tal-għajnuna legali Rachel Tua, ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti, fuq talba tal-prosekuzzjoni, ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa wkoll mill-avukat Valentina Cassar mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Antonello Magri.