Kull sajf, it-toroq ta’ Malta jimtlew b’munzelli ta’ boroż tal-iskart li jikkompetu għall-ispazju mar-residenti u jnaqqsu l-kwalità tal-ħajja.
Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista llum ippreżenta dokument ġdid ta’ konsultazzjoni li jelenka s-soluzzjonijiet proposti mill-PN għall-isfidi ta’ Malta fl-immaniġġjar tal-iskart u l-indafa pubblika. Il-pjan Innaddfu lil Malta jindirizza l-problemi urġenti li qed jolqtu l-aktar zoni b’popolazzjoni densa fil-pajjiż u jfassal triq lejn komunitajiet aktar nodfa u b’saħħithom għal kulħadd.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Pjazza tal-Balluta, ix-Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika Eve Borg Bonello – li ħadmet fuq dan id-dokument ta’ konsultazzjoni – u l-President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali Partit Nazzjonalista (KKLPN) Liam Sciberras spjegaw kif il-proposti tal-PN ġew żviluppati wara konsultazzjoni estensiva mal-kunsillieri lokali, operaturi kummerċjali, għaqdiet ambjentali u partijiet interessati oħra. Din il-kollaborazzjoni tiżgura li l-policy tirrifletti l-ħtiġijiet reali taċ-ċittadini u jintlaħaq bilanċ bejn l-interessi tar-residenti, tan-negozji u tal-ambjent.
Id-dokument isejjaħ għal azzjoni kuraġġuża u immedjata li tirrifletti dawn is-soluzzjonijiet ibbażati fuq konsultazzjoni flimkien ma’ viżjoni fit-tul. Fir-rigward ta’ azzjoni immedjata, jidentifika l-prattiċi attwali ta’ ġbir tal-iskart bħala wieħed mill-akbar punti ta’ falliment, partikolarment f’lokalitajiet fejn il-popolazzjoni tirdoppja fis-sajf bħalma huma San Ġiljan, San Pawl il-Baħar u Tas-Sliema. Żewġ soluzzjonijiet ewlenin huma proposti għal azzjoni immedjata: kontenituri tal-iskart taħt l-art u ġbir tal-iskart imħallat.
- Sistema ta’ kontenituri taħt l-art – Kontenituri (bins) issiġillati ta’ kapaċità għolja u magħluqa installati taħt il-bankini, li jżommu l-iskart aktar frisk, inaqqsu r-riħa u jrażżnu l-pests. Il-ġbir isir malajr u b’mod effiċjenti, b’sistemi diġà ppruvati li qed jintużaw fl-Ewropa. Anke implimentazzjoni ta’ 10% biss tista’ telimina eluf ta’ tunnellati ta’ boroż tal-iskart mit-toroq kull sena.
- Vetturi li jiġbru skart separat – Għalzoni fejn ma jkunx possibbli jintużaw il-kontenituri taħt l-art, trakkijiet mgħammra b’mod li jkunu jistgħu jiġbru tipi differenti ta’ skart f’daqqa waħda u jisseparawh fl-istess ħin jippermettu frekwenza ħafna akbar ta’ ġbir.
Il-pjan isemmi wkoll miżuri fuq żmien medju, fosthom:
- Elettrifikazzjoni sħiħa tal-flotta tal-ġbir tal-iskart,
- Użu ta’ ilma riċiklat għall-ħasil tat-toroq,
- Installazzjoni ta’ aktar smart bins fuq livell nazzjonali biex jiġu ottimizzati r-rotot u jitnaqqas it-traffiku.
Filwaqt li jirrikonoxxi li ħafna mill-problemi tal-iskart jibqgħu jeżistu minkejja l-liġijiet eżistenti, il-PN jipproponi li tiġi mssaħħa l-kapaċità ta’ infurzar, jew permezz tal-aġenziji eżistenti jew billi tingħata aktar setgħa lill-kunsilli lokali biex joħorġu multi kif irregolati minn awtorità nazzjonali rilevanti. Il-pjan jenfasizza wkoll il-ħtieġa tal-flessibbiltà, b’soluzzjonijiet imfassla apposta għal lokalitajiet differenti – minn tindif ta’ graffiti fiċ-ċentri urbani sa ġbir ta’ skart mill-baħar f’zoni kostali.
Fil-qalba tal-istrateġija fit-tul tal-PN hemm studju komprensiv dwar il-carrying-capacity. Dan, flimkien mad-data minn infrastruttura intelliġenti, se jkun il-pedament għal sistema moderna u effiċjenti tal-immaniġġjar tal-iskart li taqdi lil Malta għal għexieren ta’ snin.
Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern biex dawn l-istudji tal-carrying-capacity isiru f’kull lokalità u permezz tal-kunsillieri tiegħu – kif wiegħed li se jagħmel qabel l-elezzjonijiet lokali tas-sena l-oħra – qed iressaq Mozzjonijiet biex ikunu stabbiliti l-ħtiġijiet ta’ kull belt u raħal f’dak li għandu x’jaqsam mal-investiment infrastrutturali meħtieġ abbażi tal-bżonnijiet tar-residenti, inkluż f’dak li għandu x’jaqsam mal-immaniġġjar tal-iskart fil-lokalitajiet. Diġà tressqu Mozzjonijiet simili f’kunsilli lokali differenti, sew fejn il-PN għandu maġġoranza u sew fejn ma għandux. F’ħafna minn dawn, il-Mozzjonijiet ġew approvati u kien hemm kunsilli fejn il-kunsillieri Laburisti vvutaw favur. Il-kelliema tal-PN appellaw biex anke kunsilli b’maġġoranza Laburista jagħmlu l-istess.
Liam Sciberras qal: “Nirringrazzjaw lil Eve Borg Bonello li permezz ta’ dan id-dokument li ħadmet fuqu hi bħala Shadow Minister għal dan il-qasam, il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ juri – anke mill-Oppożizzjoni – li qed ikun proattiv u qed joħroġ bil-proposti qabel ikun tard wisq. B’dan id-dokument il-PN mhux biss qed juri x’inhuma l-problemi imma b’sens ta’ responsabbiltà qed joffri wkoll soluzzjonijiet reali għaċ-ċittadini”.
Eve Borg Bonello qalet: “Il-politika għandha tkun dwar kif issolvi l-problemi tal-poplu li tirrappreżenta. Meta l-Gvern ifalli li jieħu azzjoni sena wara sena fis-sajf, hu d-dmir tal-Oppożizzjoni li toħroġ b’soluzzjonijiet reali u fattibbli. Malta għandha t-talent u d-determinazzjoni biex issolvi din il-problema, kulma rridu huma t-tama u l-enerġija biex naġixxu.”

