minn Angelo Micallef
Il-jiem sħan ta’ Awwissu normalment iwasslu għal kważi sens ta’ ħedla fil-ġrajjiet kurrenti. L-attenzjoni wisq aktarx tmur fuq il-festi, xi avvenimenti soċjali u l-pjanijiet ta’ kulħadd ikunu kif se jqattgħu xi jiem tal-mistrieħ. Imma dan ma hux Awwissu tipiku. Huwa Awwissu dominat minn attività politika qawwija kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell internazzjonali.
Il-manipolazzjoni Russa
Il-President Russu Vladimir Putin hu politiku esperjenzat li issa ilu fit-tmun tal-pajjiż għal aktar minn kwart ta’ seklu. Matul dawk is-snin kompla jirfina l-abbiltà tiegħu li jimmanipola ċ-ċirkostanzi favur il-miri tiegħu u li jikseb dak li jkun irid jikseb b’kull mezz li jkun hemm għad-disposizzjoni tiegħu.
L-istorja turi li Vladimir Putin ftit li xejn jemmen fir-rispett dejjiemi lejn patti jew trattati, anzi l-istorja politiku tiegħu hija xhieda ta’ politiku li ma jiddejjaq xejn juża l-fatt li ħaddieħor jieħu patt jew trattat bħala xi ħaġa sagrosanta filwaqt li hu jeħodha bħala mossa tattika li tista’ tippermetti l-ħolqien ta’ ċirkostanzi aktar favorevoli għalih.
Huwa għalhekk li s-summit bejn Putin u Trump f’Alaska ntlaqa’ minn ħafna b’xettiċiżmu kbir u huwa għalhekk li ħafna għadhom imħassba dwar kemm tassew Trump għandu l-għarfien u l-abbiltà politika li jagħraf dan il-logħob ta’ Putin.
Ix-xeni ta’ Trump jilqa’ lil Putin bil-pompa, bir-raġun li qanqlu r-rabja kbira fost il-poplu Ukren. Il-fatt li Trump ċeda t-talba għall-waqfien mill-ġlied u għamilha ċara li ċeda wkoll il-prospett li l-Ukrajna tkun tista’ tissieħeb fin-NATO u tikseb lura l-art li tilfet fil-Krimea u fil-lvant tal-pajjiż qanqal t-tħassib ta’ dawk li jemmnu fis-saħħa tas-saltna tad-dritt, u mhux is-saħħa tal-forza.
Anki jekk dak li seħħ wara f’Washington serva biex ikkalma xi ftit dan l-inkwiet, il-mertu jmur għal mod abbli li Zelensky mexxa waqt il-laqgħa u l-mod kif imxew il-mexxejja Ewropej.
Dibattitu importanti
Illejla fuq Net Television se jixxandar dibattitu mill-aktar interessanti bejn Alex Borg u Adrian Delia. It-tellieqa għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista hija waħda importanti. Tellieqa li se tiddermina min se jmexxi lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss u potenzjalment lil min se jmexxi lil pajjiżna għada pitgħada.
Tellieqa li fiha rridu niftakru dejjem li aħna lkoll familja waħda Nazzjonalista u li hawn qed nagħżlu bejn żewġ għażliet tajbin u validi li t-tnejn għandhom x’joffru. Nawgura kemm lil Alex Borg kif ukoll lil Adrian Delia dibattitu mill-aqwa. M’għandi ebda dubju li t-tnejn se jagħtu wirja eċċellenti.
Sitwazzjoni kritika
Bħalissa f’pajjiżna hawn tħassib qawwi dwar is-sigurtà fit-toroq. Jum wara l-ieħor, incident wara l-ieħor u sfortunatament lista dejjem itwal ta’ vittmi, kemm diretti kif ukoll indiretti.
Ma nixtieqx li bl-ebda mod indawwar is-suġġett f’ballun politiku għax qed nitkellmu fuq is-saħħa u s-sigurtà ta’ kull wieħed u waħda minna. Huwa ċar madankollu li jeħtieġ li jiġi studjat bir-reqqa x’inhu s-sors tal-problema u li minnufih jibdew jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
It-toroq ta’ pajjiżna ma jistgħux jibqgħu jkunu s-sors ta’ numru hekk kbir ta’ fatalitajiet. Huma bosta dawk li diġà ressqu ideat mibnija fuq argumenti oġġettivi. Ejja tassew nixtarru, niddiskutu u naġixxu qabel il-lista tal-vittmi tkompli tikber.
L-aqwa baġit
Robert Abela bħal donnu qed jistenna li lkoll noqogħdu fuq ix-xwiek nistennew lil Clyde Caruana jressaq il-baġit li jmiss.
Kemm laqtet il-musmar fuq rasu din il-ġimgħa t-Times of Malta meta stqarret, “Abela recently promised that the upcoming budget would be “the best budget in the country’s history”, saying it would “strengthen those who need help, support the middle class and improve workers’ conditions”, including a tax reduction for corporates – the lifeblood of the country’s revenue. But Abela’s statement is hardly credible when certain sectors continue to be appeased, especially developers and big business. He is undoubtedly becoming the master of spin, using all the right buzzwords, creating distractions, and giving the illusion of control”.
Robert Abela bħal donnu qed jistenna li lkoll noqogħdu fuq ix-xwiek nistennew lil Clyde Caruana jressaq il-baġit li jmiss
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 21 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>