Opinjoni

OPINJONI: Ugo Fantozzi jagħlaq 50 sena

Ugo Fantozzi hu meqjus ikona nazzjonali Taljana

minn Mark A. Sammut Sassi

Dis-sena jagħlaq 50 sena personaġġ taċ-ċinema Taljan: l-accountant Ugo Fantozzi, li l-ewwel twieled fil-letteratura u mbagħad litteralment sploda fuq il-liżar il-kbir. L-accountant Fantozzi hu sfortunat, rasu baxxuta, u ħafna drabi jaġixxi bħallikieku buffu. Imma taħt dal-wiċċ, hemm temi importanti mhux biss dwar is-soċjetà Taljana tas-snin meta nħoloq, imma dwar is-soċjetà inġenerali tal-Punent.

Ugo Fantozzi hu meqjus ikona nazzjonali Taljana, magħrufa minn kulħadd. Jirrapprażenta lill-ħaddiem Taljan tal-klassi tan-nofs taż-żmien meta nħoloq u, sa ċertu punt, tal-lum. Imma x’aktarx jirrappreżenta wkoll lill-ħaddiema kollha tal-klassi tan-nofs tal-Punent.

Meta nħoloq Fantozzi

Fantozzi nħoloq fl-aħħar tas-snin 1960, meta l-Italja kienet ġarrbet aktar minn għaxar snin ta’ tkabbir ekonomiku. Kien żmien magħruf bħala l-‘miraklu ekonomiku’, li qaleb rashom ’l isfel lill-ekonomija u lis-soċjetà tal-Italja u ttrasforma l-pajsaġġ kulturali tal-pajjiż.

It-tkabbir ekonomiku ġab ċaqliq fil-popolazzjoni, b’ħafna Taljani mis-Sud jemigraw lejn in-Nord tal-pajjiż. Bejn l-1958 u l-1963 il-prodott gross domestiku Taljan kiber b’medja ta’ 6.3% fis-sena. Il-partijiet industrijalizzati tal-Italja l-aktar li gawdew minnu dat-tkabbir: Milan, Turin, u Genova (fejn trabba l-awtur ta’ Fantozzi, Paolo Villaggio) saru l-ibliet kapitali tal-boom ekonomiku Taljan. L-Italja saret wieħed mis-suċċessuni l-kbar ta’ wara l-Gwerra, l-aktar b’riħet il-fatt li kellha ħafna cheap labour. Minn wieħed mill-anqas żviluppati fost il-pajjiżi li waqqfu l-Komunità Ewropea, l-Italja saret wieħed mill-pajjiżi industrijalizzati ewlenin tad-dinja.

Dal-bidliet – l-industrijalizzazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni, u t-tkabbir ekonomiku – huma l-pedamenti soċjali li fuqhom inbena l-personaġġ ta’ Ugo Fantozzi, ħaddiem medju li jgħix f’Italja fejn il-ġid u l-immaġni soċjali saru l-moda. Hu personaġġ li jagħmel l-almu tiegħu kollu biex jidħol fin-normi tas-soċjetà imma donnu dejjem jibqa’ barra. Personaġġ li l-ħin kollu jsib li miegħu ma żżommx kelmitha l-wegħda tal-miraklu ekonomiku u tal-hena li suppost il-miraklu jġib miegħu.

Ugo Fantozzi: l-anti-eroj tal-Italja

Ugo Fantozzi ma huwiex rappreżentazzjoni realistika tat-Taljan medju. Minflok, hu personifikazzjoni esaġerata tat-Taljan medju tas-snin 1970 li jgħix fis-soċjetà tal-miraklu tat-tkabbir ekonomiku. Id-dinja li jgħix fiha hi xi kultant surreali u ta’ sikwit grotteska, u s-sopravvivenza tiegħu, miżgħuda wġigħ u umilazzjoni għad li mlewna bid-determinazzjoni, tista’ titqabbel ma’ dik ta’ personaġġ komiku f’xi cartoon tat-tfal.

L-iskop ta’ personaġġ bħal Fantozzi donnu hu li juri verżjoni komika ta’ ċittadin tal-klassi tan-nofs u l-baxxa, kif ukoll li juri l-qabża bejn il-klassijiet soċjali u fl-aħħar mill-aħħar il-falliment tal-miraklu ekonomiku li joffri l-hena lil bosta ċittadini.

Fantozzi hu anti-eroj, fis-sens li ftit għandu kuraġġ u ftit għandu kwalitajiet li jwasslu lill-oħrajn li jirrispettawh. Il-funzjoni ta’ Fantozzi hi li, filwaqt li jdaħħaqna, jurina kemm hi inġusta ħajjet it-Taljan medju minħabba f’soċjetà kapitalista, konsumista, burokratika, u klassista. Din is-soċjetà taħti għall-misavventuri tal-personaġġ. L-udjenza hi mħeġġa titħassru, forsi tifhmu, imma qatt ma tkun bħalu.

Fantozzi medjokri u fanfarun

Il-messaġġ b’xi mod u sa ċertu punt wasal. Il-kelma “fantozziano” daħlet fl-ilsien Taljan bħala aġġettiv, definit mid-dizzjunarju ta’ La Repubblica bħala ‘attitudni mentalment grixtija u lagħqija attribwita lil impjegat medju deprimenti, aljenat, u ppersegwitat mill-isfortuna’.

Id-dizzjunarju Treccani lit-terminu “fantozziano” jiddefinih hekk: ‘xi ħadd ċaflangu u lagħqi mas-superjuri’. Din hi n-natura ta’ Fantozzi. Kif jgħid kritiku partikolari tal-films, Fantozzi hu dgħajjef u lagħqi għax hekk biss tista’ tkun l-borgeżija ż-żgħira. Fantozzi hu dejjem itterrorizzat mis-superjuri tiegħu, tant mistħi u ċaflangu li jqarreb il-katastrofi.

Fantozzi hu vittma tal-mass media, tal-konsumiżmu, u tar-reklamar, traġikament inkapaċi jadatta għall-mudelli soċjali tal-miti ta’ kuljum. Fantozzi jaħdem fid-dinja tal-kumpaniji u l-business, imma ħajtu hi medjokri. F’dinja li fiha l-messaġġ kontinwu tar-reklamar hu dwar il-Jien u l-Fanfarunaġni, Fantozzi hu medjokri.

Bħal kull Taljan medju, Fantozzi hu ossessjonat bil-futbol, bil-biljard, u biċ-ċikliżmu, imma jiswiex karlin fihom. Hu l-oppost tal-Latin lover sterjotipiku: kemm f’dehrtu kemm fil-karattru: jipprova jġib ruħu ta’ Latin lover u jfalli. Miżżewweġ lil mara kerha daqs waħx il-baqar, Pina, li donnu ma jħobbhiex, filwaqt li l-ħin kollu jiġri wara l-kollega tax-xogħol, is-Sinjorina Silvani. Bintu, Mariangela, wkoll kerha, avolja lil din iħobbha imma ma jafx ma jħossux imbarrazzat biha u ma jqabbilx suritha ma’ dik ta’ xadini differenti.

F’Fantozzi hemm taħlit tas-swied il-qalb tal-ħajja personali u professjonali, tal-idea tad-Don Giovanni li jiġri wara n-nisa imma ħlief jaqa’ għal wiċċu ma jagħmilx, u tal-aspirazzjonijiet falluti għall-prestiġju u għall-istatus soċjali. Bħall-istorja ta’ kull clown, l-istorja ta’ Fantozzi hi ta’ dmugħ u biki.

L-universalità ta’ Fantozzi

Fantozzi serva ta’ mera kritika tal-kultura u tas-soċjetà fl-Italja tas-snin 1970. Fost l-elementi li wasslu għal dar-riżultat kien hemm l-użu tal-lingwa u ta’ umoriżmu pjuttost banali. Naturalment, huma bosta l-artisti li użaw dal-għodod għall-istess skop. Ngħidu aħna, The Simpsons hi serje li tuża għodod jixtiebħu u tikseb l-istess għanijiet.

Iżda filwaqt li The Simpsons bl-Ingliż – il-lingwa mhux uffiċjali tad-dinja – Fantozzi kien bit-Taljan, lingwa rikka għall-aħħar iżda kkundannata li tibqa’ maqfula fil-buz f’nofs il-Mediterran. Ma jfissirx imma li għax Fantozzi hu bit-Taljan, dak li għandu xi jgħid jgħodd biss għall-Italja.

L-esperjenza tal-ħaddiem tal-klassi tan-nofs li jgħix u jaħdem f’dinja għaddejja minn miraklu ekonomiku hi esperjenza li esperjenzaw il-ħaddiema kollha tal-Punent. Li dal-miraklu ekonomiku gawdew minnu l-ftit u l-ħafna tħallew bħal ħut iħares mill-ħġieġ tal-akkwarju ’l barra wkoll hi esperjenza komuni. Wieħed irid jistaqsi tgħoddx ukoll għal Malta. Aħniex aħna wkoll għaddejjin mill-mument Fantozzjan tagħna.

Il-ħolqien ta’ Fantozzi fil-kotba u l-films

Ugo Fantozzi l-ewwel ma deher kien fi tmien kotba, kollha miktubin minn Paolo Villaggio (1932-2017): Fantozzi (1971), Il secondo tragico libro di Fantozzi (‘It-tieni traġiku ktieb ta’ Fantozzi’) (1974), Le lettere di Fantozzi (‘L-ittri ta’ Fantozzi’) (1976), Fantozzi contro tutti (‘Fantozzi kontra kulħadd’) (1979), Fantozzi subisce ancora (‘Fantozzi għadu jbati’) (1983), Caro direttore, ci scrivo…: lettere del tragico ragioniere, raccolte da Paolo Villaggio (‘Għażiż direttur, qed niktiblek…: Ittri tat-traġiku accountant, miġburin minn Paolo Villaggio’) (1993), Fantozzi saluta e se ne va: le ultime lettere del rag. Ugo Fantozzi (1994) (‘Fantozzi jsellem u mbagħad jitlaq: L-aħħar ittri tal-accountant Ugo Fantozzi’), Tragica vita del ragionier Fantozzi (2012) (‘Il-ħajja traġika tal-accountant Ugo Fantozzi’).

Is-sensiela tal-films hi mifruxa fuq 25 sena: Fantozzi (1975), Il secondo tragico Fantozzi, Fantozzi contro tutti (1980), Fantozzi subisce ancora (1983), Superfantozzi (1986), Fantozzi va in pensione (‘Fantozzi joħorġ bil-pensjoni’) (1988), Fantozzi alla riscossa (‘Fantozzi jpattihielhom’) (1990), Fantozzi in paradiso (‘Fantozzi fil-Ġenna’) (1993), Fantozzi – il ritorno (‘Fantozzi – Ir-Ritorn’) (1996), u fl-aħħar nett Fantozzi 2000: la clonazione (‘Fantozzi 2000: il-klonazzjoni’) (1999).

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 21 ta’ Awwissu, 2025.