Lokali

“Partit li jikkonvinċi lin-nies, u li se joħroġ aktar b’saħħtu”

Il-PN irid ikun dak il-partit li jikkonvinċi lin-nies, u li jirbaħ.

Dan ħareġ ċar waqt id-dibattitu li xxandar fuq Net Television il-Ħamis filgħaxija bejn il-kontestanti għall-kariga ta’ Kap tal-PN – Alex Borg u Adrian Delia. Biż-żewġ kandidati jwasslu l-ideat tagħhom u dawk li fil-fehma tagħhom huma l-aqwa proposti li se jħallu l-ġid għall-pajjiż.

Waqt id-dibattitu li tmexxa mill-preżentatur Dione Borg, Alex Borg u Adrian Delia kellhom l-opportunità kollha jispjegaw fid-dettall dak li jridu jwettqu ladarba jiksbu l-fiduċja tat-tesserati fis-6 ta’ Settembru li ġej.

Alex Borg insista li l-PN għandu bżonn Kap li jirbaħ il-qlub tan-nies u li jibni l-pontijiet. Dan apparti li jilħaq lil dawk kollha li hu rrefera għalihom bħala “orfni” fil-politika, u li mhumiex jivvotaw b’għażla ċara tagħhom.

Hawn, hu semma’ kif permezz ta’ politika ġdida u bidla ġenerazzjonali fil-mentalità kapaċi jirbaħ lil dawk li llum iħossuhom ‘il bogħod mill-politika. “Nistgħu nikkonvinċu lin-nies”, sostna Alex Borg, l-istess kif hu personalment għamel f’Għawdex meta ġab riżultati kontra tliet Ministri.

Adrian Delia insista li l-partit għandu bżonn jirbaħ, biex fl-aħħar mill-aħħar jagħmel il-ġid għall-pajjiż u jagħmel il-ħajja tan-nies aħjar.

Fid-dibattitu, Adrian Delia insista fuq politika li fiċ-ċentru tagħha hemm il-persuna – politika li tagħmel differenza pożittiva fil-ħajja tal-familji. U hawn semma’ l-ħidma kbira li wettaq fil-passat, partikolarment biex inġiebu lura t-tliet sptarijiet.

Adrian Delia serraħ moħħ it-tesserati li wara din il-kampanja għall-Kap tal-PN, jitla’ min jitla’, il-Partit Nazzjonalista se joħroġ aktar b’saħħtu – għaliex kulħadd irid jaħdem f’għaqda għall-elezzjoni ġenerali.

Alex Borg kellu l-opportunità jispjega kif hu daħal fil-politika, partikolarment l-esperjenzi ta’ missieru ma’ Giovanna Debono. U hawn, irrefera għal dik li sejjaħ “politika tal-konvinzjoni”.

Hu tkellem anke dwar is-suċċess tal-PN is-sena li għaddiet fil-Kunsilli Għawdxin, fejn dan kien frott ta’ ħidma waħda bħala tim. Iżda xorta jeħtieġ aktar outreach, inkluż fl-ewwel 100 jum minn mindu jkun elett Kap.

Adrian Delia tkellem dwar l-aħħar 12-il sena ta’ korruzzjoni mill-Gvern preżenti, b’detriment fuq in-nies. Tkellem ukoll dwar l-over population u kif kulħadd qed iħossu fgat. “Għalhekk il-PN irid juri li kapaċi jagħmel politika nadifa li tindirizza l-inkwiet tan-nies”.

Hu tkellem anke dwar il-proposta importanti li semma f’din il-kampanja elettorali, sabiex kull min sofra inġustizzja jieħu l-ġustizzja li ħaqqu – hu min hu, u saret minn min saret.

Alex Borg kellu ċ-ċans jitkellem dwar il-passat glorjuż tal-PN, mill-Indipendenza sal-lum. “Iżda issa hu l-mument li nagħmlu l-pass li jmiss”, stqarr Alex Borg.

Hu qal li l-PN għandu jkollu Kap Eżekuttiv, li jieħu f’idejh is-sitwazzjoni finanzjarja u li jkun separat minn dak ta’ Segretarju Ġenerali. Dan apparti li semma’ l-idea li jerġa’ jinħoloq l-irwol ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament.

Waqt l-istess xandira, Adrian Delia qal li għandha ssir Konvenzjoni biex il-PN jaqbel fuq il-fehmiet bażiċi minn issa ‘l quddiem. Dan sabiex il-PN ikollu timbru ta’ dak li jsawru verament.

Adrian Delia insista li mill-Gvern, il-PN kapaċi jwettaq it-tibdiliet kollha li pajjiżna għandu bżonn.

Alex Borg irrefera għall-kwistjoni tal-ewtanasja, u filwaqt li qal li hu personalment ma jaqbilx, lest jagħti free vote lid-deputati tal-PN. Anke Adrian Delia stqarr li ma jaqbilx mal-ewtanasja, u dwar il-possibbiltà li jingħata free vote biex ma jimponix fuq kwistjoni ta’ kuxjenza bħal din.

Fi tmiem id-dibattitu, Alex Borg qal li t-tesserati f’din l-elezzjoni se jkunu qed jeleġġu l-Prim Ministru tal-futur. Dan filwaqt li Adrian Delia minn naħa tiegħu saħaq li r-rebħa tal-PN fl-elezzjoni li ġejja għandha tkun ir-rebħa ta’ pajjiżna.