Lokali Qorti

Vittma jixhed kif spiċċa milqut b’sikkina darbtejn minn żewġ eks ħbieb tiegħu

Raġel xehed fil-Qorti dwar lejl li fih spiċċa serjament midrub wara li, skont ix-xhieda tiegħu, tnejn mill-eks ħbieb tiegħu attakkawh b’sikkina waqt ġlieda barra ‘lounge’ fil-Ħamrun. Il-proċeduri qed isiru kontra żewġt irġiel Albaniżi, Besim Borici ta’ 39 sena u Ergest Kashari ta’ 34 sena, li wieġbu mhux ħatja għal akkużi gravi fosthom attentat ta’ qtil, li kkawżaw ġrieħi gravi b’arma li taqta’, u li kisru l-paċi pubblika.

Il-vittma rrakkonta kif fit-2 ta’ Awwissu kien iltaqa’ ma’ ħabib tiegħu fil-Gżira u wara marru flimkien fil-‘Feel Lounge’ fil-Ħamrun għall-ħabta ta’ nofsillejl. Ftit wara dehru wkoll l-akkużati fil-post. Huwa spjega li ħareġ barra jitkellem ma’ Kashari, li darba kienu ħbieb qrib ħafna ta’ xulxin iżda kien ilu tmien xhur ma jkollu kuntatt miegħu.

Huwa staqsieh x’kien ġara bejniethom u għaliex kienu ddistakkaw ruħhom minn xulxin, iżda l-konversazzjoni malajr inbidlet f’argument meta Kashari qallu li kien inbidel. Minn hemm żviluppat ġlieda li għaddiet għall-vjolenza.

Ix-xhud spjega li waqt il-konfużjoni deher ukoll Borici, li kien aġitat ħafna, u f’daqqa waħda ħass li kien intlaqat f’żaqqu, Huwa ra d-demm ħiereġ minn naħa tax-xellug u waqa’ mal-art, filwaqt li ħass uġigħ qawwi fl-ispalla.

Ma setax iqum u kellu bżonn l-għajnuna ta’ ħabib tiegħu li akkompanjah sa ħanut tal-ikel tal-faċċata biex isejħu għall-ambulanza. Fl-aħħar mill-aħħar ittieħed Mater Dei fejn kellu jgħaddi minn żewġ operazzjonijiet, wieħed fuq l-ispalla u l-ieħor f’żaqqu. Huwa ammetta li ma setax jara ċar liema arma ntużat iżda qal li kien ċert li ġie milqut darbtejn.

Il-Qorti wissiet lill-vittma qabel beda x-xhieda tiegħu li dak kollu li jgħid seta’ jintuża kontrih, hekk kif id-difiża ta’ Kashari qalet li kien hemm suspett li l-vittma seta’ kien l-ewwel aggressur. Wara l-verżjoni dettaljata tiegħu, il-prosekutur tal-istat Jurgen Dalli talab li l-proċess jieqaf temporanjament sabiex jinstab u jiġi ppreżentat filmat ta’ CCTV li ġie rkuprat mill-post.

Intant, id-difiża tal-akkużati ressqet talba biex jinħelsu mill-arrest taħt kundizzjonijiet. L-avukat Anthea Bonnici Zammit, li qed tidher għal Borici, argumentat li l-klijent tagħha għandu rekord kriminali nadif, ilu tmien snin jgħix Malta b’xogħol stabbli u għandu wkoll familja li tappoġġjah.

Hija sostniet li kien arrestat 10 t’ijiem wara l-inċident u li kieku kellu l-intenzjoni jindaħal fil-provi seta’ jagħmel hekk f’dak iż-żmien, iżda ma kien hemm ebda suspett li qatt għamel dan. Għal Kashari, ix-xhieda ta’ min iħaddmu kkonfermat li kien ilu jaħdem bħala ‘electrcian’ għal sitt snin filwaqt li ħuh u ommu wkoll jaħdmu fl-istess kumpanija; ħuh anki wera lesti li jaġixxi bħala garanti.

Il-prosekuzzjoni, rappreżentata mill-avukati tal-Istat Jennifer Polidano u Jurgen Dalli flimkien mal-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa, opponiet għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura gravi tal-akkużi ta’ attentat ta’ qtil u l-periklu ta’ influwenza fuq ix-xhieda, b’mod partikolari l-ħabib tal-vittma li għadu ma xehedx.

Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia innotat li l-proċess għadu fi stadju bikri u li għad hemm xhieda li jridu jinstemgħu, iżda fl-istess ħin wissiet lill-Pulizija biex iħaffu l-identifikazzjoni tal-bqija tax-xhieda billi mhux ġust li l-akkużati jinżammu taħt arrest indefinitament sempliċement għax l-investigazzjonijiet għadhom sejrin.

Il-każ ġie aġġornat għal ġimgħa oħra sabiex il-prosekuzzjoni tippreżenta l-provi kollha tagħha, inkluż il-filmat tas-sigurtà. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Jennifer Polidano u Jurgen Dalli, assistiti mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa.

Id-difiża ta’ Borici kienet immexxija mill-Avukati Franco Debono, Adreana Zammit u Anthea Bonnici Zammit filwaqt li għal Kashari deher l-Avukat Shaun Zammit.