Lokali

Zammit Lewis jgħid li “f’pajjiżna hawn problema ta’ sigurtà”

F’pajjiżna hawn problema ta’ sigurtà.

Sostna dan l-Eks Ministru u backbencher Laburista Edward Zammit Lewis hekk kif spjega li din il-kriżi hija frott taż-żieda fil-popolazzjoni li pajjiżna kellu fl-aħħar għaxar snin. Żieda frott in-nuqqas ta’ viżjoni tal-Partit Laburista u l-ekonomija tal-kwantità fuq il-kwalità li adottaw amministrazzjonijiet mmexxija mill-Prim Ministri Joseph Muscat u Robert Abela.

Fuq il-midja soċjali, Zammit Lewis sostna li f’pajjiżna hawn bżonn ta’ sigurtà, dixxiplina u infurzar. Dan wara ġimgħat sħaħ ta’ abbużi fit-toroq, sewqan bl-addoċċ, nies xurbana f’zoni bħas-Swieqi, ġlied bl-idejn fl-eqqel tal-ġurnata, ġlied f’lukandi, u l-kriżi enormi marbuta mal-abbuż tad-droga.

Għal darb’oħra l-Eks Ministru tal-Ġustizzja għażel li jikteb fuq Facebook minflok jitkellem internament fil-Grupp Parlamentari – u saħaq li filwaqt li sar titjib m’hemmx dubju li bħala politiku u wisq aktar bħala ġenitur kellu jitkellem.

Huwa spjega li fl-akbar budget li semma Robert Abela jrid ikun hemm pjan finanzjarju fuq is-sigurtà filwaqt li għaraf il-fatt li l-Gvern irid jassigura li jiżdiedu l-uffiċjali tal-Pulizija.

Zammit Lewis hawnhekk bħal donnu kritika lill-Korp hekk kif saħaq li pajjiżna jeħtieġ preżenza effettiva u viżibbli tal-Pulizija Eżekuttiva fit-toroq – partikolarment f’zoni turistiċi.

Dan filwaqt li appella biex ikun hawn infurzar bis-serjetà li ma jħares lejn wiċċ ħadd.

Hu jittama li issa qed nintebħu li f’pajjiżna għandna problema – botta ċara li dawk li qed jippruvaw jitfgħu din il-kriżi taħt it-tapit.