Raġel ta’ 56 sena residenti s-Siġġiewi, weġġa’ wara li waqa’ waqt li kien qiegħed fuq sellum f’għalqa fi Triq Blat il-Qamar, is-Siġġiewi stess.
Fl-inċident, li seħħ għall-ħabta tad-disgħa u nofs ta’ filgħodu, sofra wkoll xi ġrieħi raġel ieħor ta’ 40 sena residenti ż-Żurrieq li kien qed jassisti.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu, u ambulanza ħadet liż-żewġt irġiel l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard, ir-raġel ta’ 56 sena kien iċċertifikat bi ġrieħi gravi filwaqt li r-raġel ta’ 40 sena ġarrab ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>