“Ħalfu li pajjiż jeqirduh, u hekk ġara minn kull aspett”.
Dan kien wieħed mill-ħafna kummenti fuq il-midja soċjali wara li d-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali kkonferma li l-ilma fiz-zona ta’ Taħt Dawret il-Qawra f’San Pawl il-Baħar hu kontaminat.
Bħalissa, fl-eqqel tas-sajf, propju l-istaġun fejn Malta tilqa’ l-akbar ammont ta’ turiżmu… għadna qed nesperjenzaw tniġġis fil-bajjiet. U ħafna qed jirrimarkaw li huwa ta’ dispjaċir kbir li wieħed imur sal-baħar sabiex jirrilassa u jgħum, u jsib bajja kkontaminata u mhux adegwata għall-għawm.
“Hemm x’imkien għadu tajjeb?”, staqsa xi ħadd fuq Facebook. “Imkien ma tista’ tgħum; għax jew bis-slime jew bid-dranaġġ. Għarukaża fis-sena 2025.”
Kumment ieħor li laqat il-musmar fuq rasu irrimarka kif bħalissa qed nesperjenzaw drenaġġ, overpopulation, u diversi problemi oħra. “Issa €100 qabel l-elezzjoni u jintesa kollox. Ċapċap poplu.”
Minkejja li l-Gvern bħalissa għandu diżastru sħiħ fis-sistema tad-drenaġġ tant li tmien xhur ilu nstab ħati mill-Qorti Ewropea li qed jikser il-liġijiet Ewropej għax għadu qed jarmi d-drenaġġ mhux ittrattat jew parzjalment ittrattat fil-baħar tagħna, Robert Abela u sħabu ma tantx jidher li huma inkwetati. U qed igawdu s-sajf waqt li jħallu lill-Maltin u lit-turisti jfittxu roqgħa baħar li mhux imniġġes fejn ikunu jistgħu jgħumu.
Il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar jiem talab għal serjetà min-naħa tal-Gvern. U jekk verament għandu rispett lejn l-ambjent, lejn il-poplu Malti li jħallas it-taxxa biex jgħix f’pajjiż deċenti, u lejn it-turisti li jħallsu l-flus biex jiġu jżuruna… il-Gvern għandu jieħu ħsieb il-baħar u l-ambjent tagħna billi jqis li jkollna l-infrastruttura u l-infurzar neċessarju biex dan ikun garantit.
Intant, bħallissa fiz-zona ta’ Taħt Dawret il-Qawra f’San Pawl tpoġġew tabelli sabiex jindikaw li l-baħar mhux tajjeb għall-għawm.
//= $special ?>