Lokali

Cycling with Jack for l-Istrina fit-28 ta’ Settembru… attività li turi kemm il-ġid li tagħti l-MCCF dejjem jingħata lura

Il-Malta Community Chest Fund u l-familja Schiavone se jorganizzaw it-tieni edizzjoni tal-attività Cycling with Jack, li tfakkar il-memorja taċ-ċiklist Jack Schiavone waqt li jinġabru fondi b’risq dawk fil-bżonn.

Jack Schiavone kien ċiklist rispettat fix-xena taċ-ċikliżmu lokali, ta kontribut kbir lil dan l-isport f’Malta, rebaħ diversi unuri matul il-karriera tiegħu, irrappreżenta lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali u eventwalment ġie appuntat bħala kowċ nazzjonali.

Jack ħalla din id-dinja wara battalja mal-kanċer, li matulha kien assistit mill-Malta Community Chest Fund.  Kien għalhekk li martu Caroline, flimkien ma’ wliedha, ħarġu bl-idea ta’ Cycling with Jack biex ifakkru l-memorja ta’ Jack u jroddu lura lis-soċjetà b’rikonoxximent tal-għajnuna li sabu matul il-perjodu diffiċli tal-mard. Matul l-attività, li se ssir fit-28 ta’ Settembru, iċ-ċiklisti se jaqdfu mill-Kulleġġ Santa Klara, f’Pembroke, sa Manoel Island u lura. Dan waqt li fil-Kulleġġ Santa Klara se jkun hemm attivitajiet u divertiment għall-familja kollha.

Dettalji dwar l-edizzjoni ta’ din is-sena ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, indirizzata mill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, il-mara ta’ Jack, Caroline Schiavone, u ċ-Chairperson tal-Malta Community Chest Fund, Sina Bugeja.

Il-President ta’ Malta rrikonoxxiet inizjattivi bħal Cycling with Jack, li jsiru fuq idea ta’ familji li ġew fil-bżonn u li jaħdmu biex iroddu lura l-għajnuna li rċivew. “Għandna jiġu l-qraba ta’ dawk li ġew bżonn l-għajnuna u jitolbuna biex issa jkunu huma li jgħinu lil ħaddieħor. Caroline hi eżempju ċar ta’ kif noħolqu katina ta’ persuni li jgħinu lil xulxin, u jalla l-eżempju tagħha jiħduh oħrajn. Il-poplu għandu jikkopera u jieħu sehem f’dawn l-attivitajiet, biex il-ġid inkattruh.”

Caroline Schiavone fissret din l-attività bħala riflessjoni ħajja ta’ Jack, li dejjem għaqqad il-passjoni tiegħu għaċ-ċikliżmu mal-valuri tas-solidarjetà u l-ġenerożità.

“L-esperjenza li għaddejna minnha bħala familja urietna li l-Malta Community Chest Fund mhix hemm biss għall-għajnuna finanzjarja li tipprovdi, imma dejjem sibnieha hemm kull meta kellna bżonn bħala familja,” stqarret Caroline.

Min-naħa tagħha Sina Bugeja faħħret “il-mod altruwist li bih qed infakkru l-memorja ta’ Jack Schiavone permezz ta’ din l-attività,” waqt li appellat liċ-ċiklisti u l-familji biex ikunu parti minn Cycling with Jack ta’ din is-sena, b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Ir-reġistrazzjoni għaċ-ċiklisti li jixtiequ jaqdfu mill-Kulleġġ Santa Klara sa Manoel Island u lura tinsab miftuħa u wieħed jista’ japplika fuq is-sit mccf.store.

Dan waqt li l-attività għall-familja kollha, li tibda minn kmieni filgħodu fil-Kulleġġ Santa Klara, hi miftuħa għall-pubbliku mingħajr ħlas, għalkemm donazzjonijiet b’risq il-Malta Community Chest Fund huma apprezzati.

L-attivitajiet jinkludu zona għat-tfal, b’roti statiċi li wieħed jista’ jaqdef fuqhom, ċikliżmu għat-tfal f’ċirkwit u taħt is-superviżjoni ta’ professjonisti, kif ukoll basketball u esebizzjoni tar-roti BMX.

Matul il-ġurnata se jkun hemm ukoll uffiċjali tal-LESA, li se jorganizzaw attivitajiet edukattivi intiżi biex jippromwovu s-sigurtà fiċ-ċikliżmu u l-użu responsabbli tar-roti fit-toroq. Dan apparti ikel, xorb, mużika u divertiment varjat.