Internazzjonali

Erik Menendez ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest – Ir-raġel li qatel lill-ġenituri flimkien ma’ ħuħ

Erik Menedez, ir-raġel li qed jiskonta sentenza, flimkien ma’ ħuh Lyle Menendez wara li nstabu ħatja tal-qtil tal-ġenituri tagħhom, ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara 30 sena arrestat fil-ħabs ta’ California.

Fi smiegħ fil-Qorti Amerikana, li sar aktar kmieni l-Ħamis, Erik Menendez ġie rrifjutat il-ħelsien mill-arrest abbażi ta’ mġiba ħażina fil-Ħabs ta’ California.

Kollox idur mal-famuż każ li xxukkja l-Istati Uniti u d-dinja kollha lura fis-snin tmenin. Dan wara li l-istess Erik, flimkien ma ħuh Lyle Menendez, ġew mixlija u misjuba ħatja li qatlu lill-ġenituri tagħhom b’ammonti kbar ta’ tiri letali minn arma tan-nar.

Intant, dan il-każ kontroversjali ngħata wkoll ċerta prominenza fl-aħbarjiet tad-dinja minħabba allegazzjonijiet min-naħa tal-aħwa fuq abbuż li għaddew minnu huma mill-istess ġenituri – fost akkużi ta’ abbuż sesswali u stupru li seħħ fuqhom minn missierhom stess.

Apparti l-prominenza fl-aħbarjiet lura fis-snin tmenin, dan il-każ ħa wkoll wiċċ ġdid f’dawn l-aħħar snin. Dan wara li bosta kienu dawk li snin wara reġgħu tefgħu dawl fuq l-allegazzjonijiet ta’ abbuż u dwar kif mhux sew li dawn l-aħwa qed jiskontaw sentenza wara dak li allegatament għaddew minnu fit-tfulija tagħhom.

Però intefa’ dawl ikbar fuq dan il-każ wara li ħareġ is-serje fuq is-sit Netflix, ‘Monsters’ li jitfa’ dawl kemm fuq id-delitt makabru u kemm fuq l-abbuż li seħħ fuqhom tul it-trobbija tagħhom –- liema abbuż, skont l-aħwa, wassal għal dan il-qtil.

Madanakollu Erik Menendez ser ikun qiegħed jingħata ċans ieħor ta’ ‘parole’ tliet snin oħra, dan filwaqt li ħuh, li qed jiskonta l-istess sentenza, mistenni jidher quddiem il-Qorti f’California rigward ħelsien mill-arrest tiegħu l-Ġimgħa 22 ta’ Awwissu.