Il-klabb Universidad de Chile ħabbar li 19-il partitarju tat-tim jinsabu l-isptar wara t-tieni leg mill-grupp tal-aħħar 16 fil-partita kontra t-tim Arġentin Independiente, fi Buenos Aires.
Dan seħħ f’partita tal-Copa Sudamericana li kienet abbandunata wara ġlied vjolenti bejn il-partitarji, b’xi wħud ikunu mhedda u msawta fosthom partitarju f’kundizzjoni gravi wara li waqa’ mill-ogħla sular ta’ stand.
Il-klabb żied jgħid li 97 Ċilen ġew arrestati, għalkemm il-midja lokali rrappurtat li ċ-ċifra hija aktar minn 300.
Żewġ partitarji ntlaqtlu b’daqqiet ta’ sikkina waqt li wieħed minnhom kien operat wara li waqa’ minn għoli fl-Estadio Libertadores de America, fiz-zona ta’ Avellaneda.
Il-vjolenza faqqgħet f’nofs il-partita wara li nxetħu bosta oġġetti fosthom bombi u murtali, biċċiet tal-ġebel, toilets, sinkijiet u siġġijiet li ġew garati għal fuq partitarji avversarji.
Partitarji ta’ Independiente dehru li daħlu fit-taqsima tal-partitarji Ċileni kmieni fit-tieni taqsima fejn dawn ġew attakkati. Argentini ġegħluhom jaħarbu.
Il-president taċ-Ċilì Gabriel Boric ikkummenta li xejn m’għandu jiġġustifika il-vjolenza tiġi minn fejn tigi.
Id-direttur tal-Universidad de Chile, Daniel Schapira, qal li f’partiti bħal dawn dejjem jigri l-istess għax hija kwistjoni soċjali u kulturali li tmur lil hinn mill-futbol.
Il-President ta’ Independiente, Nestor Grindetti, ikkummenta li l-prekawzjonijiet ta’ sigurtà li ttieħdu kienu loġiċi u li n-numru ta’ biljetti mogħtija liċ-Ċileni kien miftiehem mal-Conmebol, il-Federazzjoni tal-futbol Sud-Amerikan. Il-logħba għall-ewwel kienet sospiża bil-plejers jitilqu mill-grawnd fit-tieni taqsima bil-logħba draw ta’ 1-1 u t-tim Ċilen 2-1 fuq aggregate. Il-Conmebol qalet li l-logħba tħassret.
//= $special ?>