Internazzjonali

Il-katastrofi tal-ġuħ ikkonfermata għall-ewwel darba fil-Belt ta’ Gaza

Ir-residenti fil-Belt ta’ Gaza u l-madwar ukoll qegħdin ibatu minn livell allarmanti ta’ ġuħ….Sitwazzjoni konfermata mill-IPC li hi entità responsabbli mis-sigurtà tal-ikel u li hi appoġġjata min-Nazzjonijiet Uniti.

L-IPC qalet li aktar minn 500,000 Palestinjan fil-Medda ta’ Gaza qed ibatu l-ġuħ kif ukoll min-nuqqas ta’ akkommodazzjoni fissa…Sitwazzjoni li x’aktarx li twassal ‘inevitabbilment’ għall-mijiet tal-imwiet ġodda jekk ma tkunx indirizzata.

U minbarra s-sitwazzjoni allarmanti fil-Belt ta’ Gaza, il-‘kundizzjonijiet katastrofiċi’ mistennija jaffettwaw ukoll l-inħawi l-oħra ta’ Gaza, fosthom Deir al-Balah u Khan Younis matul ix-xahar id-dieħel.

Madankollu, il-Ministeru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin ċaħad ir-rapport fost l-istqarrijiet li ma ‘teżisti l-ebda kriżi tal-ġuħ f’Gaza’.

Dan meta l-Gvern Iżraeljan ilu jistqarr li t-terroristi Palestinjani tal-Ħamas qed jippruvaw iqarrqu bis-sitwazzjoni biex ipinġu ċ-ċirkustanzi katastrofiċi bil-ħsieb li jattiraw pressjoni akbar fuq Iżrael min-naħa tal-komunità internazzjonali.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, qal li s-sitwazzjoni għall-familji ta’ Gaza waslet tassew f’xifer ta’ traġedja…Hu fisser il-kriżi bħala ‘waħda dolożament maħluqa mill-bniedem, bin-Nazzjonijiet Uniti qed isejjaħ biex il-provvisti umanitarji kollha jgħaddu mingħajr xkiel lejn Gaza.

Iżda Iżrael ma jidhirx li qed jikkalkula dawn il-messaġġi, bil-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, isostni li l-Kabinett tiegħu approva l-pjani għal assalt militari ‘ġdid u intensiv’ fuq il-Belt ta’ Gaza.

Dan meta l-Armata Iżraeljana qalet li infurmat lit-tobba u lill-ħaddiema ta’ fejda biex jgħaġġlu bit-tħejjijiet għall-evakwazzjonijiet taċ-ċivili qabel l-offensiva pjanata fuq din il-belt.

Intant, il-komunità internazzjonali qed twettaq ukoll il-pressjoni biex l-Iżraeljani jippermettu l-preżenza, f’Gaza, tal-organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet barranin bil-għan li dawn jirrappurtaw mill-inħawi b’mod ħieles.

Xukkjati dwar l-allert tal-IPC

LInternational Rescue Committee (IRC) qal li jinsab ixxukkjat u dispjaċut dwar l-aħħar allert tal-IPC li konferma l-livell tal-ġuħ fil-Belt ta’ Gaza bħala ‘realtà qattiela’.

David Miliband, bħala President u Kap Eżekuttiv tal-IRC, tenna li s-sitwazzjoni f’Gaza ‘għandha titqies bħala xempju tal-fallimenti ta’ Iżrael u l-Istituzzjonijiet biex jipproteġu liċ-ċivili u jkattru l-liġi umanitarja fl-artijiet partikulari.’

Miliband qal li l-informazzjoni li ħierġa minn Gaza għandha sservi wkoll bħala ‘allarm’ għall-komunità internazzjonali  u meta l-kriżi umanitarja teħtieġ tkun indirizzata ‘illum qabel għada’ biex ma jintilfux aktar ħajjiet ta’ Palestinjani.

Miliband enfasizza li l-katastrofi f’Gaza qed tiżvolġi taħt għajnejn id-dinja u meta wieħed seta’ faċilment jevitaha. Dan waqt li l-President tal-IRC u gruppi oħrajn ta’ fejda wissew li l-għajnuna umanitarja waħedha ma tistax ittaffi l-katastrofi umana jekk kemm-il darba ma titteħidx azzjoni deċiżiva fuq livell politiku.

Is-sitwazzjoni tal-ġuħ, għalissa, mistennija tikber f’Gaza wara kważi 700 jum ta’ gwerra – bil-Palestinjani qed jgħidu li d-dinja ‘qamet tard wisq’ biex tindirizza l-iskala tal-kriżi umana.

Fil-fatt, Yasser Abdel Ghafour, riċerkatur mal-Palestinian Centre for Human Rights, fisser ir-reazzjoni fuq livell internazzjonali bħala ‘tard wisq fil-konfront tal-ġenoċidju li l-Iżraeljani qegħdin iwettqu f’Gaza’.

Fl-istess ħin, il-gruppi umanitarji qed jistennew biex il-komunità internazzjonali tieħu azzjoni aktar determinata – partikularment fuq livell politiku – biex tindirizza s-sitwazzjoni; speċjalment wara l-istqarrija tal-IPC.

Dan ukoll meta l-kriżi qed tolqot dejjem aktar lill-familji tar-refuġjati Palestinjani fil-Belt ta’ Gaza u bnadi oħra; fost l-ispinta fil-każi tal-malnutriżmu fost in-nisa u tfal Palestinjani.