Lokali

Inawgurazzjoni tar-restawr tal-Kwadru Titulari ta’ Marija Annunzjata tal-Knisja ta’ San Duminku fil-Birgu

Nhar il-Ħadd 24 t’Awwissu 2025 fis-7:15p.m. ser jittella’ kunċert mużikali fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tar-restawr li sar fuq il-kwadru ta’ Sidtna Marija Annunzjata tal-artist Emvin Cremona. Ir-restawr sar mill-kumpanija Atelier del Restauro Ltd., taħt id-direzzjoni tas-Sinjura Valentina Lupo. Il-Kunċert ser ikun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Stephen Camilleri. Il-kunċert u l-inawgurazzjoni ser isiru taħt il-patroċinju tal-Mons. George Frendo, Arċisqof Emeritu ta’ Tirana-Durres, l-Albanija.

Il-kwadru ta’ Marija Annunzjata kien sar fl-1959 mill-artist Emvin Cremona biex ikun il-kwadru titulari tal-knisja l-ġdida tad-Dumnkani ġewwa l-Birgu. Dan minħabba li l-knisja ta’ qabel kienet iġġarfet f’attaki mill-ajru fit-tieni gwerra dinjija, fid-19 ta’ Jannar 1941. Dan huwa wieħed mill-ikbar kwadri li Cremona kien pitter u huwa meqjus bħala wieħed mill-kapolavuri tiegħu. Wara li kien lestih kien jiġi ta’ spiss fil-kwiet jitlob quddiem din il-pittura tant kemm kienet għal qalbu. Għal din l-okkażjoni ser ikunespost fil-knisja l-abbozz tal-istess pittura li kien ħejja Emvin Cremona biex jippreżenta lill-patrijiet Dumnikani. Dan il-kwadru kien tħallas mill-benefatturi ġirbin Lawrence u Michelina Bezzina. Matul il-kunċert is-Sinjura Valentia Lupo ser tagħti spjegazzjoni dettaljata tal-proċess tar-restawr u Rev. P. Tonio Mallia Milanes se jagħmel id-diskors tal-okkażjoni. Grazzi lill-Fondazzjoni Kottonera taħt it-tmexxija ta’ Joe Mizzi li ffinanzjat parti minn dan il-proġett.

Il-maġġoranza tal-knejjes Dumnikani dejjem ikunu ddedikati lill-Madonna u mhux lill-patrun San Duminku, dan biex juri r-rabta kbira li hemm bejn l-Ordni tal-Predikaturi u d-devozzjoni Marjana. Huwa għalhekk li l-knisja tad-Dumnikani fil-Birgu hija ddedikata lill-Madonna u mhux lil San Duminku. Dan narawh ukoll fil-knisja tad-Dumnikani ġewwa r-Rabat, il-Belt u G’Mangia.

L-inawgurazzjoni ta’ dan il-kwadru hija parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa f’ġieħ Missierna San Duminku li ser tkun iċċelebrata ġewwa l-Birgu mit-23 sal-31 t’Awwissu 2025.