Is-servizz postali minn Malta lejn l-Istati Uniti tal-Amerika u t-territorji tagħha huwa sospiż b’mod temporanju. Din id-deċiżjoni ser tidħol fis-seħħ mil-10:00 ta’ filgħodu tas-Sibt 23 ta’ Awwissu.
Net News tkellem mac-Chief Operating Officer tal-MaltaPost, Adrian Vassallo, illi spjegalna għaliex ittieħdet din id-decizjoni.
Kull pakkett jew oġġett indirizzat lejn l-Istati Uniti għandu jiġi depożitat fl-Uffiċju Prinċipali tal-Malta Post li jinsab il-Marsa, bejn is-7am u l-10am tas-Sibt.
U kwalunkwe ittra jew dokument destinat lejn l-Istati Uniti ma jistgħux jibqgħu jiġu depożitati fil-kaxxi tal-posta ….filwaqt li l-MaltaPost ser toffri servizz speċjali.
Din is-sospensjoni daħlet minħabba Ordni Eżekuttiva maħruġa mill-President tal-Istati Uniti, li tneħħi l-benefiċċju eżistenti ta’ duty-free għal posta internazzjonali. Il-posta li tidħol mill-Istati Uniti lejn Malta tibqa’ mhux affettwata.
Taħt din ir-regola l-ġdida, kull oġġett postali mibgħut lejn l-Istati Uniti, irrispettivament mill-valur jew l-oriġini tiegħu, ser jkun suġġett għal dazji imposti mid-dwana tal-Istati Uniti.
Din il-bidla sinifikanti tolqot kemm individwi kif ukoll negozji madwar id-dinja, inkluż dawk f’Malta li jibagħtu oġġetti permezz tan-networks postali lejn l-Istati Uniti.
Sakemm jitqiegħed fis-seħħ proċess effettiv, il-linji tal-ajru u dawk tal-merkanzija msieħba mal-MaltaPost qed jissospendu wkoll it-trasport ta’ kunsinni postali ddestinati lejn l-Istati Uniti.
Is-sospensjoni hi miżura temporanja sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għal soluzzjoni.
Operaturi Postali madwar l-Ewropa qed jaħdmu flimkien biex jilħqu dawn l-obbligi kemm jista’ jkun malajr.

