“Hemm bżonn ta’ reviżjoni fil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurta fit-toroq.”
Dan hu propju dak li saħqet dwaru l-assoċċjazzjoni tal-istabbilimenti tal-catering, l-ACE, wara li fl-aħħar jiem u ġimgħat, pajjiżna esperjenza rekord ta’ inċidenti fatali jew serji li seħħew kaġun ta’ abbuż ta’ droga u alkoħol.
Fi stqarrija, Michelle Muscat, il-President tal-ACE, appellat biex l-ittestjar bil-breathalyser isir frekwenti u obbligatorju għas-sewwieqa kollha. L-ACE hawnhekk irreferiet, għal informazzjoni miġbura mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Assigurazzjoni fl-2022, li żvelat kif it-testijiet tal-breathalyser saru biss f’madwar 3% tal-inċidenti serji tat-traffiku.
L-ACE irreferiet ukoll għal dak li qal it-tabib Jonathan Joslin f’intervista li kellu riċentament ma’ The Times of Malta fejn sostna kif ir-reviżjoni fil-leġiżlazzjoni huwa bżonn u mhux għażla.
Fl-istess intervista kien saħaq ukoll li fuq imwiet fit-toroq li jseħħu kaġun ta’ abbuż ta’ drogi u alkoħol, il-Membri Parlamentari jeħtieġ li jġorru r-responsabbiltà assoluta.
L-ACE enfasizzat li “s-sigurta fit-toroq hija sforz kollettiv. Sforz li jappella lill-gvern, lill-leġiżlaturi, lill-partiti politiċi kollha, lis-soċjetà ċivili u fuq kollox, lil kull wieħed minna biex niżguraw toroq aktar sikuri, infurzar aħjar u inqas telf ta’ ħajjiet.”
L-assoċċjazzjoni temmet tgħid, li tappoġġja bis-sħiħ is-sejħa riċenti għal kampanja ta’ edukazzjoni pubblika mmirata biex tiċċara r-riskji assoċjati mal-konsum tal-alkoħol u s-sewqan. Dan biex tfakkar lill-pubbliku li kwalunkwe ammont ta’ alkoħol fiċ-ċirkolazzjoni tad-demm jista’ jfixkel il-kapaċità tagħhom li jsuqu b’mod sigur.
//= $special ?>