Lokali Opinjoni

Meta l-preġudizzju jagħmik u jwaqqgħek għaċ-ċajt

Ir-rapport inkredibbli fil-midja Laburista li fil-PN hemm min hu favur Alex Borg, u min favur Adrian Delia. Skoperta mondjali!

minn Victor Camilleri
Eks Editur ta’
In-Nazzjon u Il-Mument

Xi jiem ilu, il-midja tal-Partit Laburista – il-gazzetta KullĦadd, l-istazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni tal-Labour, kif ukoll il-websajt tagħhom tal-aħbarijiet – x’aktarx li wettqu l-akbar buffunata minn kemm ilhom jeżistu.

Fil-preġudizzju enormi li ħakem lill-midja Laburista fir-rigward tal-proċess elettorali li għaddej fil-Partit Nazzjonalista għall-għażla ta’ Kap ġdid, issa donnhom li tilfu kull kontroll fuqhom infushom tant li lanqas qed jindunaw li n-nies qed jiżżufjettaw bihom.

Qed nirreferi partikolarment għall-‘aħbar’ sensazzjonali li fil-PN hemm min jappoġġja lil Alex Borg u hemm min jappoġġja lil Adrian Delia. Iva, tabilħaqq, hekk kitbu u qalu… u m’hemmx għalfejn ngħidu li din l-‘aħbar’ kellha rispons ta’ mijiet, inklużi Laburisti dikjarati, u oħrajn, li kollha kienu ssummati b’dak li qraw. Ma ridux jemmnu lil għajnejhom li xi ħadd fil-Labour jista’ joħroġ b’assurdità bħal din.

Bħal dak li qallu, meta jkun hemm kompetizzjoni ta’ kwalunkwe tip bejn żewġ kontendenti, mhux dejjem ikun hemm min jappoġġja wieħed, u min jappoġġja l-ieħor! Iżda l-midja Laburista sejħet dak li qed iseħħ bħala “qasma profonda fil-PN”.

Il-Maltin, huma min huma, u jemmnu x’jemmnu, ingħataw prova oħra ta’ kemm il-Labour mhux biss hu 100 fil-100 negattiv, iżda wkoll li niżel f’livelli li qatt ma kien fihom. Bil-fatti, bil-provi u quddiem għajnejn kulħadd.

Redikolati mill-istess Laburisti

Fost il-mijiet ta’ kummenti li rredikolaw din l-aħbar fil-websajt Laburista, kien hemm numru ta’ Laburisti. Dawn huma wħud minnhom:

■ Aħna mhux hekk konna wkoll jew? Anzi f’pajjiżi demokratiċi hekk għandu jkun.

■  Aħna mhux hekk konna wkoll… tagħmlu għaġeb… mhux kull tellieqa  tkun hekk?

■ Jien ma nafx kif din it-tip ta’aħbar tkun approvata minn ta’ fuq.

■ Mhux hekk l-istess ġara bejn Chris Fearne u Robert Abela?

■ Oqogħdu attenti x’tiktbu fil-One għaliex dejjem qed inġibu l-ġebla fuq saqajna

■ Ħbieb tagħna tal-One hawnhekk m’intomx turu rispett lejna li għandna fiduċja fikom

■ Ara aħna mhux hekk konna qabel laħaq Robert!

U nispiċċaw bi tnejn ġenerali:

■ Super One Fake news of all times

■ Dan it-tip ta’ ġurnaliżmu jżomm lill-poplu ‘injorant’

Sempliċiment biex infakkruhom

L-‘aħbar’ tal-midja Laburista dwar il-‘qasma’ fil-PN bejn Alex Borg u Adrian Delia, tant hi assurda li wieħed jibda jaħseb li min għamilha jew hu stess ma jafx x’qed jiġri madwaru jew inkella ħaseb li l-poplu ma jiftakarx dak li ġara fil-Labour proprju ftit taz-żmien ilu meta kienet għaddejja t-taqtigħa bejn Chris Fearne u Robert Abela, li spiċċat biex fin-nofs daħlu l-heavyweights ta’ Muscat u qalbu l-andament rasu ’l isfel. Il-midja kollha f’Malta kienet miżgħuda b’rapporti li juru li MAĠĠORANZA ASSOLUTA ta’ Ministri u Deputati Laburisti kienu favur Fearne u kontra Abela. Flok dan ir-rapport redikolu dwar l-elezzjoni fil-PN, il-ONE kien jagħmel biċċa xogħol utli ħafna għall-istorja jekk jiżvela x’seta ġara biex finalment kien il-PATT IMXAJJAN li rebaħ.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 22 ta’ Awwissu, 2025.