Opinjoni

OPINJONI: Il-problemi għall-anzjani jkomplu jiżdiedu

F’ħames snin in-numru ta’ dawk li għalqu il-65 sena żdied minn 95,056 f’Diċembru 2019 għal 105,909 fl-aħħar tas-sena l-oħra – żieda ta’ 10,859, kważi 11,000. Jekk nieħdu dawn li għalqu is-60 sena dawn żdiedu minn 126,158 għal 136,226, żieda ta’ 10,068. Jirriżulta wkoll minn ċifri pubblikati mill-‘eurostat’ li fl-2023 pajjiżna kellu l-ogħla numru ta’ snin ta’ poplu li jgħix f’saħħtu fl-Unjoni Ewropea bl-irġiel ikollhom medja ta’ 71.7 snin f’saħħithom u n-nisa 71.1 snin.

minn Joe M. Zahra

Kif dejjem niktbu l-anzjani mhumiex problema għas-soċjetà iżda riżorsa. Riżorsa minn kull lat inkluż dik ekonomiku. Ħafna ma jaqblux għaliex il-magna ta’ propaganda kontra l-anzjani tipprova turi mod ieħor.

Anzjani trattati ħażin

Dan l-aħħar il-Kummissarju għall-Anzjani Alexander Attard ta intervista lill-“Malta Independent” fejn sostna li persuni anzjani ħafna drabi huma injorati, mhux moqdija tajjeb u ttrattati daqslikieku għebu mill-ħajja pubblika. Qal li hemm preġudizzju inkonxju li jpingi lill-anzjani bħala passivi, dipendenti jew inviżibbli. Żied li l-anzjani qed ikunu traskurati fid-djar tal-kura, li hemm qasma diġitali dejjem tikber li qed tħalli lill-anzjani barra minn servizzi essenzjali. Tkellem ukoll dwar is-solitudni li l-iżjed li taffettwa lill-anzjani. Argumenta li żżomm l-anzjani fil-komunitjiet tagħhom u mhux f’istituzzjonijiet hi sew aktar uman u kosteffikaċi. Innota li l-anzjanità attiva mhix biss programmi, hi wkoll dwar l-ambjent u sigurtà. Staqsa: “Jekk it-toroq mhumiex sikuri, jekk il-bankini huma mkissra, jekk m’hemmx trasport, allura kif jista’ anzjan jgħix indipendenti?”

L-aħħar messaġġ tal-Kummissarju għall-Anzjani kien wieħed ċar: Malta għandha tagħmel iktar biex tagħraf li l-anzjani huma ċittadini sħaħ bid-dritt għad-dinjità, viżibbiltà u vuċi. “Dan mhux biss dwar servizzi. Hu dwar rikonoxximent. Hu dwar li naraw l-anzjani mhux bħala piż, iżda bħala individwi b’ħajjiet, esperjenza u drittijiet.”

Dan kollu aħna tal-APAN ilna ngħiduh. Dwar dan ili nikteb u nemmen li jista’ jsir ħafna iktar biex l-anzjani jingħataw id-dinjità li tixirqilhom u mhux jiġu trattati bħala ċittadini tat-tieni klassi speċjalment meta jkunu jeħtieġ servizzi fejn tidħol saħħithom.

Settur ekonomiku mibni madwar l-anzjanità

L-anzjani huma riżorsa. Apparti l-fatt li għad hemm madwar 10,000 anzjan/anzjana li għadhom jaħdmu full-time u ħafna iktar li jaħdmu part-time, parti kbira mill-anzjani jippossedu proprjetà u investimenti. Il-Fond Monetarju Internazzjonali xi żmien ilu kien irrimarka li l-anzjani fl-Ewropa, il-Ġappun u l-Amerika ta’ Fuq u t’Isfel jikkontribwixu iktar miż-żgħażagħ. Tifhem għaliex! L-anzjani, apparti dawk it-30,000 li hemm fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, għandhom darhom tagħhom, għandhom pensjoni li ħadmu għaliha. Faddlu xi ħaġa u investew. Hekk illum qed jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-konsum fil-pajjiż. U għall-ekonomija.

Min-naħa l-oħra ż-żgħażagħ għadhom kif bdew il-ħajja. Anke jekk biss iridu li jkollhom dar tagħhom jeħtiġilhom ifaddlu biex jagħmlu “down deposit” u wara jiċċaħħdu minn tant affarijiet biex jibdew kull xahar iħallsu lill-banek li jkunu sellfuhom biex jixtru.

Illum madwar l-anzjani qed jikber settur ekonomiku ġdid. Settur li jiġbor fih id-djar għall-anzjani li jeħtieġu eluf ta’ ħaddiema mħarrġa, carers għal dawk l-anzjani li jagħżlu li jibqgħu jgħixu fi djarhom, infermiera, ħaddiema ta’ manutenzjoni.

Dan l-aħħar f’The Times of Malta kien hemm storja ta’ Bernard Micallef Cann, infermier u fundatur ta’ servizz privat tal-kura fid-djar 3C. Dan żvela li pajjiżna jeħtieġ madwar 3,000 carer fis-sena. Dawn m’għandniex lokalment u għalhekk irridu inġibuhom minn barra. Iżda l-proċess hu wieħed li jieħu t-tul tant li hemm anzjani li jilħqu jmutu jistennew carer.

Dan hu ħażin ħafna! Anzjan li jibqa’ jgħix f’daru lill-Gvern jiswielu ferm inqas minn anzjan rikoverat f’dar tal-anzjani. Il-Gvern lil dawk li jridu jibqgħu jgħixu fid-djar tagħhom, fil-belt jew raħal fejn trabbew u kibru, għandu jinkorraġihom b’kull mod. Gvernijiet Nazzjonalisti kienu introduċew għal dawn l-anzjani sensiela ta’ servizzi li llum għadhom jitħaddmu anke jekk hemm minnhom li tnaqqsu. Dawn jinkludu t-telecare, il-‘meals on wheels’, servizz ta’ għajnuna fid-djar bħal xiri u tindif, servizzi ta’ manutenzjoni. Ħafna anzjani qed jilmentaw li servizzi li kienu jingħataw darbtejn fil-ġimgħa tnaqqsu għal darba. Oħrajn fejn carers kienu jmorru fid-djar għal erba’ sigħat tnaqqsilhom il-ħin għal sagħtejn. Il-problema dejjem hi nuqqas ta’ ħaddiema. U f’xi każi nuqqas ta’ flus.

Is-soluzzjoni f’ħafna każi hi li dawn l-anzjani jispiċċaw jitolbu li jmorru f’dar tal-anzjani fejn lill-Gvern tiswielu ferm iktar. U fejn m’hemmx spazju għaliex hemm iktar minn 1,500 anzjan jistennew sodda f’dawn id-djar li l-parti l-kbira minnhom huma tal-privat għaliex il-Gvern flok bena iktar djar hu, għalaq tnejn milli kellu!

Anzjani qrib is-soċjetà

Għandna f’pajjiżna madwar 20,000 anzjan li jgħixu waħedhom. Dawn tkiddhom ħafna s-solitudni speċjlment meta jkun riesaq il-lejl. Dan kollu jitlob li jkun hemm night u day shelters fejn dawn l-anzjani jqattgħu parti mill-jum fil-kumpannija ta’ anzjani oħrajn u l-lejl f’post sigur taħt is-sorveljanza ta’ nies apposta.

F’pajjiżna hawn nuqqas ta’ night shelters. Jgħidu li hemm night shelters li mhumiex qed jiġu utilizzati. Iżda anke hawn trid tara fejn. Jekk hemm night shelter li mhux qed jiġi utilizzat għaliex jinstab ’il bogħod minn fejn joqogħdu l-anzjani jrid ikun il-Gvern li jipprovdi transport għal dawn in-nies!

L-anzjanità ġġib ħafna problemi magħha iżda anke vantaġġi għas-soċjetà u l-familji.

Nibda mill-problemi! Il-lista hi twila u dejjem titwal: għoli tal-ħajja fejn il-pensjonijet mhumiex biżżejjed biex ilaħħqu speċjalment mal-għoli tal-ikel; 29,000 anzjan ta’ ’l fuq minn 65 sena fir-riskju tal-faqar; servizz mill-banek li mhux jieħu f’kunsiderazzjoni l-ħtiġiet tal-anzjani li huma differenti mimn dawk ta’ etajiet oħra; nuqqas ta’ kmamar disponibbli fil-care homes; nuqqas ta’ carers; servizzi tas-saħħa mhux adegwati; kura paljattiva li għadha ferm ’il bogħod minn dik mistennija; is-solitudni.

Min-naħa l-oħra l-anzjani joffru ħafna vantaġġi lis-soċjetà. Dawn jinkludu ħidma kbira fis-settur volontarju f’kull qasam. Għajnuna lill-ulied l-anzjani li jkunu qegħdin irabbu u jridu joħorġu jaħdmu. Minjiera ta’ għerf li jgħaddu lil uliedhom. Snajja’ li qed jgħibu iżda li l-anzjani jistgħu jgħaddu lil ħaddieħor. Fuq kollox l-anzjani jagħtu sehem qawwi biex l-ekonomija tmur ’il quddiem. Ma nixbax nirrepeti li l-anzjani mhumiex piż iżda riżorsa. Min bi kliemu jipprova jgħid il-kuntrarju ma jkun qed jagħmel xejn għajr joħroġ b’‘fake news’. Għaliex mhux veru li l-anzjani huma piż. Kull anzjan wara li jkun ta l-aħjar snin ta’ ħajtu biex kabbar familja u kkontribwixxa biex il-pajjiż hu dak li hu llum, wara li joħroġ bil-pensjoni jkompli jikkontribwixxi lejn il-familja u pajjiżu. Anke jekk b’mod differenti minnn qabel!

Kull anzjan wara li jkun ikkontribwixxa biex il-pajjiż hu dak li hu llum, wara li joħroġ bil-pensjoni jkompli jikkontribwixxi lejn il-familja u pajjiżu

Tabella li turi li fl-2023 Malta kellha l-ogħla numru ta’ snin ta’ ħajja f’saħħtek: 71.7 snin għall-irġiel u 71.7 snin għan-nisa

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 22 ta’ Awwissu, 2025.