Żagħżugħ Taljan ta’ 21 sena nstab ħati li wettaq serq u diversi attentati ta’ serq minn appartamenti f’Fort Cambridge, f’Tas-Sliema, iżda minflok priġunerija effettiva ngħata sentenza sospiża. Huwa nstab ħati fuq ammissjoni tiegħu stess.
Il-każ kien jinvolvi lil Malick Ndiaye, li kien inizjalment ġie akkużat li daħal fiż-żewġ appartamenti u pprova jidħol fi tlieta oħra, fejn kien allegat ukoll li seraq €3,000 minn wieħed minnhom. Madankollu, il-proprjetarju ta’ dak l-appartament sab il-flus l-għada, iżda ma kienx informa lill-Pulizija b’dan il-fatt immedjatament.
Huwa xorta kellu jixhed fil-Qorti, fejn ikkonferma li l-flus kienu nstabu. B’riżultat ta’ dan, l-akkużi ġew emendati u Ndiaye ammetta sitt attentati ta’ serq u serq aggravat minn appartament wieħed, flimkien ma’ ħsara volontarja fil-proprjetà ta’ partijiet terzi.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia, osservat li l-akkużat għandu rekord kriminali f’Malta, għalkemm ma kellhiex informazzjoni dwar jekk kellux rekord barra minn Malta. Minkejja li ma kienx ammetta mill-ewwel fil-kawża, il-Qorti qieset li ammetta fi stadju bikri u b’hekk franka ħin u spejjeż fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-avukat tal-Avukat Ġenerali Neville Galea u assistita mill-Ispetturi Michael Vella u Ian Azzopardi, argumentat biex il-piena tkun sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, flimkien ma’ ordni ta’ kumpens lill-kumpanija GAP Development. Id-difiża, rappreżentata mill-avukat tal-għajnuna legali Mark Mifsud Cutajar, qablet ma’ din is-sottomissjoni.
Il-Qorti, madankollu, fakkret li mhijiex marbuta tobdi s-sottomissjonijiet tal-partijiet, u li għandha tqis mhux biss l-interess tal-akkużat iżda wkoll dak tal-vittmi u tas-soċjetà. Il-Maġistrat Sant Lia qalet li filwaqt li kien hemm bażi għal priġunerija effettiva, kien hemm ukoll biżżejjed raġunijiet serji u validi biex tingħata sentenza sospiża.
Ndiaye ngħata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Il-Qorti astjeniet milli toħroġ ordni ta’ kumpens wara li GAP Development ikkonfermat li l-ħsarat diġà ġew imħallsa.
//= $special ?>