Lokali

AĠĠORNATA: Sewwieq ta’ mutur fil-periklu tal-mewt f’inċident tat-traffiku f’Birkirkara

Raġel ta’ 57 sena weġġa’ serjament wara li kien involut f’inċident tat-traffiku bejn mutur u karozza.

Il-każ seħħ dalgħodu għall-ħabta tal-05:30, fi Triq Sir Anthony Mamo, Birkirkara, meta għal xi raġuni seħħet ħabta bejn Nissan March u mutur Honda misjuq minn raġel ta’ 57 sena, residenti l-Imsida.

Ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku fuq il-post u ttieħed l-isptar b’ambulanza, fejn ġie
ċċertifikat li weġġa’ serjament.

Fin-Nissan kien hemm mara ta’ 25 sena residenti San Pawl il-Baħar li ma ġarrbitx ġrieħi iżda ttieħdet l-Isptar minħabba xokk, filwaqt li l-Pulizija qed tfittex raġel li allegatament kien ukoll fin-Nissan fil-ħin tal-inċident, imma li allegatament telaq minn fuq il-post.


Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat Monica Borg Galea li ħatret inkjesta, filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet

Aktar kmieni:

Sewwieq ta’ mutur spiċċa rikoverat l-isptar f’ħabta li seħħet dalgħodu biswit Mater Dei.

Il-mutur tat-tip Honda, li kien misjuq minn raġel ta’ 57 sena residenti l-Imsida, ħabat ma’ karozza tal-għamla Nissan March. Din jirriżulta li kienet misjuqa minn mara.

Net News jinsab infurmat li s-sewwieq tal-mutur sofra xi ksur, u qed jingħata l-kura.