Lokali Qorti

Taljan mixli li rċieva pakketti bid-droga valur ta’ €200,000 jinżamm arrestat

Taljan ta’ 29 sena, Valentino Morina, baqa’ miżmum taħt arrest wara li tressaq il-Qorti fuq akkużi serji ta’ importazzjoni ta’ droga sintetika perikoluża li l-ammont tagħha kien ilaħħaq l-erba’ kilos valur ta’ €200,000.

L-arrest seħħ nhar il-Ħamis meta l-Pulizija, wara sorveljanza, wasslu pakkett suspettuż f’indirizz fil-Gżira. Malli l-imputat ħareġ u ffirma biex jirċievi l-kunsinna, il-Pulizija arrestawh fuq il-post. Fil-Qorti, l-Ispettur Jonathan Pace spjega kif fid-19 ta’ Awwissu, il-Pulizija ġew infurmati dwar pakkett kbir tal-kumpanija Fedex li kien fih sustanzi suspettużi.

Waqt tfittxija fil-post instabu diversi boroż, kull waħda b’madwar kilo u nofs kristalli, li t-testijiet ikkonfermaw li kienu MDMA. Il-pakkett kellu erba’ kilogrammi li kien impostat f’indirizz fil-Gżira. Il-Pulizija sabu wkoll numru ta’ mobile fuq il-pakkett.

Meta ċemplu fuqu, l-ewwel sabuh mitfi, iżda aktar tard wieġeb xi ħadd li talab li l-pakkett jiġi kkonsenjat l-għada. Meta l-vann tal-kunsinni wasal fl-indirizz, mill-ewwel ħareġ u ffirma għall-pakkett, iżda dak il-ħin ġie arrestat mill-ewwel mill-Pulizija.

Minn tfittxija li saret fuqu ma nstab xejn, u l-imputat ma żvelax l-indirizz fejn joqgħod. Morina, li ma għandu l-ebda impjieg, wieġeb mhux ħati għall-akkużi. Id-difiża, rappreżentata mill-avukati Franco Debono u Adreana Zammit, ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju, u għalhekk l-imputat intbgħat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace. L-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Nadia Ciappara flimkien mal-Ispettur Jonathan Pace mexxew il-prosekuzzjoni.