Internazzjonali

‘Taqgħux fin-nassa ta’ Putin’……Twissija urġenti minn Kaja Kallas  fost l-aggressjoni kontinwa tar-Russja

Kaja Kallas, ir-Rappreżentanta Għolja għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, wissiet biex l-Ewropa u l-Punent jevitaw sitwazzjoni fejn l-Ukrajna jkollha ċċedi t-territorji lir-Russja bħala parti minn ftehim futur dwar il-paċi.

Fl-istess ħin, Kallas, waqt kummenti lill-programm Today tal-BBC, enfasizzat li ftehim li jippermetti biex ir-Russja żżomm għal dejjem it-territorji Ukreni li spiċċaw okkupati mit-truppi tagħha ‘għandu jitqies bħala nassa li l-President Russu Vladimir Putin irid li tingħalaq fuq l-Ukrajna u l-alleati tagħha fl-Ewropa’.

Ir-Russja ilha s-snin b’ambizzjonijiet kbar biex tikkontrolla kompletament ir-reġjun tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna, u li jinkludi l-provinċji ta’ Luhansk u Donetsk …Dan waqt li l-aggressjoni militari tal-Kremlin u tas-separatisti li jissimpatizzaw ma’ Moska sfurzat l-evakwazzjoni ta’ madwar 1.5 miljun Ukren mir-reġjun, sa mill-ewwel xhur tal-2014.

Il-Gvern Ukren,sadanittant, hu determinat biex ma jċedix id-Donbas lill-Kremlin bħala kundizzjoni għall-paċi jew biex tintemm il-gwerra fl-Ukrajna li ilha għaddejja minn Frar tal-2022.

Madankollu, it-tħassib kiber wara li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, enfasizza l-ħtieġa għall-‘iskambji tal-artijiet’ f’ċirkustanzi fejn l-Ukreni jkollhom iċedu medda kbira ta’ territorju biex jieqfu l-attakki tar-Russi fuq l-ibliet tal-Ukrajna.

Kaja Kallas, li kemm-il darba tkellmet kontra l-politika aggressiva ta’ Moska, tinsab fuq il-lista ta’ ‘persuni mfittxija mill-Kremlin’….Sadanittant, hi mill-ġdid qed tinsisti dwar il-ħtieġa għall-garanziji tas-sigurtà ‘kredibbli u robusti’ għall-Ukrajna, fir-rwol tagħha bħala l-Kap tal-politika barranija tal-UE.

Madankollu, Kallas ammettiet li, għalissa, mhemmx wisq ‘passi konkreti’ li wieħed jista’ jieħu għat-twaqqif ta’ qawwa internazzjonali biex tevita li l-Ukrajna, ‘il quddiem, tisfa’ mira għal invażjoni oħra mill-qawwiet Russi anki ladarba jkun iffirmat ftehim għall-paċi.

Hi sostniet li l-unika garanzija soda dwar is-sigurtà tinvolvi l-iżvilupp ta’ Armata Ukrena b’saħħitha’..Dan ukoll fost l-impenji għall-garanziji ta’ paċi li ma jkunux sempliċi ‘kliem miktubin fuq il-karta’.

F’din is-sitwazzjoni, l-Istati-membri li jiffurmaw koalizzjoni ta’ appoġġ għall-Ukrajna….Koalizzjoni magħrufa bħala ‘coalition of the willing” u li tinkludi r-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u l-Italja … għandhom jiddeterminaw eżattament x’jistgħu jikkontribwixxu minn aspett militari. Dan ukoll meta għadhom mhumiex ċari l-limiti li jistgħu jkunu imposti għall-azzjonijiet potenzjali minn kwalunkwe qawwa tas-sigurtà internazzjonali.

Il-kummenti sinifikanti ta’ Kallas ingħataw ftit jiem wara li l-Mexxejja tal-Istati ewlenin tal-Ewropa — fosthom Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Finlandja – issieħbu mal-President Ukren, Volodymyr Zelensky, għal taħditiet fil-White House mal-President Amerikan Donald Trump….Laqgħa li wkoll saret ftit jiem biss wara s-summit bejn Trump u l-President Putin li kien organizzat f’bażi militari tal-Alaska.

F’kummenti dwar is-summit ta’ Alaska, Kaja Kallas qalet li ‘Putin kiseb dak kollu li xtaq’ f’sitwazzjoni li għandha tnaqqas minn kull interess li seta’ kellu biex jinnegozja ftehim għall-paċi.

Hi saħqet li  rnexxa l-iskop ta’ Putin biex pajjiżu jevita l-mewġa ġdida ta’ sanzjonijiet min-naħa tal-Istati Uniti u  meta l-Mexxej Russu, issa, qed jipprova jqarraq bil-Punent fost l-ispinta tal-kampanja militari qattiela fl-Ukrajna.

‘Tinsewx ukoll li Vladimir Putin għadu ma għamilx konċessjoni waħda fl-interessi tal-paċi’, qalet Kaja Kallas, li konfermat li l-Unjoni Ewropea, issa, fasslet id-19-il pakkett tas-sanzjonijiet intiżi bħala pressjoni fuq Vladimir Putin biex hu, ‘il quddiem, jitratta n-negozjati mal-Ukrajna b’aktar serjetà.