Lokali Qorti

Tfajla ta’ 16-il sena tinżamm arrestata wara li kisret kundizzjoni tal-Qorti

Tfajla ta’ 16-il sena ġiet miċħuda l-ħelsien mill-arrest wara li tressqet il-Qorti akkużata li kisret kundizzjoni imposta fuqha mill-Qorti tal-ħin li suppost kellha tkun irtirata d-dar bħala parti mill-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Stephen Gulia, spjegat li l-kura tagħha kienet f’idejn dar residenzjali u kien proprju l-carers ta’ hemmhekk li rrappurtawha għax kisret il-kundizzjonijiet 11-il darba. F’xi okkażjonijiet hija kienet tmur lura biss ftit minuti tard, iżda kien hemm ukoll każi fejn irritornat d-dar l-għada fis-6 ta’ filgħodu.

L-Ispettur żied li t-tfajla għandha problema serja ta’ vizzju tad-droga. Hija wieġbet mhux ħatja għall-akkuża li kisret il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. L-avukat tagħha, Alexia Falzon Attard, talbet għall-ħelsien mill-arrest, u sostniet li l-imputata għandha passat diffiċli u jkun aħjar għaliha li tingħata ċ-ċans tgħix fil-komunità milli tinżamm il-ħabs.

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ma qablitx u ċaħdet it-talba għall-bail u ordnat li t-tifla tinżamm arrestata.