Lokali

“Is-Sindku kellu reazzjoni goffa” – Darren Marmara

Ritratt: Facebook

Is-sitwazzjoni bejn il-kunsillieri tal-Partit Laburista fil-Kunsill Lokali tal-Fgura qed tkompli tiddeterjora, bil-qasma fost il-Laburisti issa qed testendi issa saħansitra fil-;okalitajiet.

Fl-aħħar jiem NetNews żvela l-inkwiet serju li ħakem il-kunsillieri Laburisti f’din il-lokalità, li ilha teskala sa minn wara l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ta’ Ġunju tal-2024….bin-nuqqas ta’ qbil ċar bejn l-eks Sindku…u issa Viċi Sindku Darren Marmara u s-Sindku Clayton Cascun Portelli.

Il-Ġimgħa filgħaxija, Marmara spjega li xtaq jinforma lill-pubbliku li wara laqgħa ta’ rikonċi;jazzjoni tranġa kollox mas-Sindku Laburista….pero insista li mhux il-każ.

Wara li din il-kamra tal-aħbarijiet irrappurtat dwar il-laqgħa li saret fil-jum tal-Erbgħa li għadda – fejn il-Viċi Sindku Darren Marmara flimkien ma’ żewġ kunsillieri Laburisti Josianne Scicluna u Adrian Tanti telqu ‘l barra mil-laqgħa, wara li argument jaħraq eskala bejn dawn il-kunsillieri u s-Sindku Laburista Clayton Cascun Portelli …b’dan tal-aħħar jgħidilhom li jekk ma jogħġobhomx joħorġu ‘l barra –Marmara għażel li jattakka lis-suppost sieħbu u kollega tiegħu fuq Facebook.

F’post fuq il-midja soċjali, Marmara spjega li ħalla ftit jiem sabiex jagħti ċans lis-Sindku jirrifletti u jibgħat għall-kunsilliera sħabu li telqu ‘l barra u wara jħabbar li saret laqgħa ta’ rikonċiljazzjoni – iżda dan, fi kliem Marmara stess ma ġarax.

Il-Viċi Sindku Laburista qal ukoll li s-Sindku kellu reazzjoni goffa fil-konfront tal-kunsillieri Laburisti. Fejn elenka numru ta’ – skont hu – dawk li huma żbalji li għamel is-Sindku Laburista – fost oħrajn fuq in-nefqa tal-Kunsill Lokali.

Fil-kitba tal-Viċi Sindku kompliet toħroġ il-firda kbira li hemm bejn dawn iż-żewġ fazzjonijiet Laburisti fi ħdan dan il-kunsill tal-Fgura – b’Maramara juri d-diżappunt tiegħu b’rabta mal-fatt li Cascun Portelli mhux qed jagħti l-mertu lilu u lil sħabu.

Il-laqgħa tal-Kunsill Lokali tal-Erbgħa kellha tiġi sospiża wara li l-Viċi Sindku u żewġ kunsillieri Laburisti telqu ‘l barra wara argument jaħraq mas-Sindku – suppost kollega tagħhom – Clayton Cascun Portelli.

Il-kwistjoni kollha ddur ma’ dikjarazzjoni li ppreżenta l-Viċi Sindku tal-Fgura, Darren Marmara, f’ismu u f’isem żewġ kunsilliera kollegi tiegħu Adrian Tanti u Josianne Scicluna. Id-dikjarazzjoni kienet b’rabta ma’ infieq li l-Kunsill għamel sabiex jippreżenta appell għal applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar għal bini fuq medda ta’ art li tinsab fit-triq prinċipali – fejn qabel kien hemm ir-Razzett l-Antik tal-Fgura. Is-Sindku pprova jagħmel stqarrija li tirribatti l-kontenut tal-istqarrija ppubblikata mis-suppost kollega tiegħu, Darren Marmara.

Interessanti wkoll ir-rispons tan-nies fuq din il-post ta’ Marmara fejn filwaqt li ma naqsux il-prositijiet għal fatt li l-Viċi Sindku Laburista qed jattakka lis-Sindku tal-Labour stess – uħud saħansitra insistew li l-abbuż u l-gideb m’għandhomx jiġu tollerati – botta ċara u tonda għal Cascun Portelli.

Spikka wkoll il-prosit tal-eks Deputat Laburista Luciano Busuttil u wieħed mill-figura ewlenin tal-faxxa estremista tal-Labour Karl Stagno Navarra – wirja ċara li din ma hija xejn ħlief riflessjoni taż-żewġ kampijiet fil-Labour li fl-aħħar xhur u ġimgħat spiċċaw iħabbtuha ras imb’ras.

B’attakki fuq is-Sindku Laburista ta’ nuqqas ta’ trasparenza u kontabbiltà fejn saħansitra kien hemm min appella biex Cascun Portelli jirriżenja – firda interna fil-Labour li issa qed tinfirex saħansitra fil-Kunsilli Lokali.