Sport Waterpolo

It-tim nazzjonali ta’ taħt it-18-il sena jikseb l-aqwa riżultat storiku ta’ kull żmien

Malta tegħleb għal darb'oħra lil Ġermanja permezz tal-għoti tal-penalties.
Malta tegħleb għal darb'oħra lil Ġermanja permezz tal-għoti tal-penalties.

Iż-żgħażagħ Maltin jerġgħu jilgħabu kontra l-Ġermanja u għal darb’oħra jerġgħu jirbħu wara l-għoti tal-penalties biex itemmu fid-disa’ post fl-Ewropa

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt it-18-il sena tal-waterpolo, kiteb l-isbaħ paġna sal-lum f’dan l-isport, minn fost it-timijiet kollha nazzjonali taż-żgħar ta’ kull żmien. Fl-aħħar partita ta’ Malta fil-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej ta’ din il-kategorija, li saru fir-Rumanija, Malta lagħbet għad-disa’ u l-għaxar post kontra l-qawwa tal-Ġermanja.

Wara li Malta rebħet il-grupp rispettiv tagħha, b’rebħiet kontra l-Ukrajna, l-Ġermanja u l-Ġeorġja, l-iskwadra mmexxija minn Jonathan Valletta aċċertat minn post mal-aqwa 12-il pajjiż fl-Ewropa. Sussegwentament, Malta kompliet tikseb aktar rebħ meta għelbet lill-Polonja 15-14 wara l-għoti tal-penalties. Grazzi għal dan ir-riżultat, Malta kompliet ittejjeb il-posizzjoni finali tagħha f’dawn il-Kampjonati Ewopej.

L-unika telfa tal-Maltin kienet kontra s-Serbja; pajjiż li hu meqjus fost l-aqwa fil-waterpolo dinji, 18-13 biex b’hekk l-aħħar partita taż-żgħażagħ Maltin kellha tkun għal darb’oħra kontra l-Ġermanja biex ikun determinat min se jispiċċa fid-disa’ u l-għaxar post rispettivament.

Telfa jew rebħa, kwalunkwé riżultat f’din l-aħħar partita ma kien se jħassar xejn mis-suċċess ta’ Malta f’din il-kompetizzjoni. Mingħajr wisq pressjoni, iżda b’determinazzjoni u passjoni kbira, il-Maltin reġgħu taw wirja oħra qalbiena kontra l-Ġermanja, u bl-istess mod li fl-istadju tal-gruppi kontra għelibna l-isfida tal-Ġermaniżi, l-istorja reġgħet irrepetiet ruħha meta ksibna rebħa oħra deċiżiva kontra ż-żgħażagħ tat-tim nazzjonali ta’ taħt it-18-il sena tal-Ġermanja wara l-għoti tal-penalties, bl-iskor finali ta’ 17-16.

B’dan ir-riżultat Malta temmet fid-disa’ post fl-Ewropa f’din il-kategorija, li jfisser li dan hu l-aqwa riżultat fl-istorja tal-waterpolo għal tim nazzjonali taż-żgħar.

Il-protagonista tal-Maltin f’din il-logħna kien Jayden Cutajar li skorja erba’ gowls filwaqt li Luigi Fenech għaqqad hat-trick personali.

Max Lanzon, Sam Engerer, Julian Chircop,  Philip Tabone u Giancarlo Gatt skorjaw gowl kull wieħed u kellhom sehem ukoll fir-rebħa storika ta’ Malta fl-aħħar logħba tal-Kampjonati Ewropej ta’ taħt it-18-il sena li saru fir-Rumanija.