Ambjent Lokali

Reazzjonijiet pożittivi għad-dokument tal-PN dwar it-tindif pubbliku

Ritratt ta' Catriel Farrugia Sghendo

Kollox jindika li ntlaqa’ b’mod pożittiv id-dokument ta’ konsultazzjoni dwar it-tindif pubbliku, imniedi mill-Partit Nazzjonalista din il-ġimgħa.

Ix-Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika, Eve Borg Bonello, waqt laqgħa li saret fil-Kunsill tas-Swieqi mar-residenti tat id-dettalji dwar id-dokument “Innaddfu lil Malta” – dokument ta’ konsultazzjoni li ħadmet fuqu hi stess sabiex tiġi indirizzata din il-kriżi.

B’reazzjoni għal dan id-dokument, ir-residenti preżeni taw l-opinjoni tagħhom, b’ uħud jissuġġerixxu li jridu jsiru rondi frekwenti mill-awtoritajiet responsabbli ħalli jaraw x’għandu xi jsir. U li l-ġbir tal-iskart isir b’mod organizzat. Persuna oħra irrimarkat illi suppost l-iscammels għandhom ċippa fuqhom biex jiġu traċċati. Oħrajn anke ssuġġerew li jsiru aktar CCTV cameras fiż-żoni fejn jinġabar l-iskart.

Is-sistema tal-immaniġġjar tal-iskart f’Malta qed taffaċċja sfidi kbar relatati mas-separazzjoni tal-iskart u l-effiċjenza tal-ġbir. Sitwazzjoni li matul l-aħħar tlett snin inbidlet fi kriżi li qed tħalli impatt negattiv fuq ir-residenti kollha.


Waqt il-laqgħa, Eve Borg Bonello sostniet li permezz ta’ dan id-dokument ta’ konsultazzjoni qed tipproponi li jsiru bidliet fil-ġbir, ikun hemm infrastruttura intelliġenti, infurzar akbar u aktar għaqli, soluzzjonijiet differenti għal żoni differenti, u soluzzjonijiet aktar ħolistiiċi u ppjanati.

Waqt il-laqgħa ġie spjegat fid-dettall id-dokument fejn tkellmet dwar l-idea ta’ implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ kontenituri taħt l-art fl-aktar lokalitajiet popolati.

Fid-diskors tagħha, ix-Shadow Minister stqarret li anke b’10% ta’ din is-sistema – fir-reġjun tal-Lvant, inkluż Tas-Sliema, l-Imsida, Birkirkara u l-Belt Valletta, din il-miżura tista’ teħles lit-toroq tagħna minn aktar minn 6,700 tunnellata ta’ skart fis-sena.

Waqt l-istess laqgħa Eve Borg Bonello, stqarret li t-tipi differenti ta’ skart qed ifissru rotot ta’ ġbir differenti li jwasslu għal konsum akbar ta’ fjuwil, konġestjoni fit-traffiku, u spejjeż operattivi ogħla, kif ukoll l-inkonvenjent li jaffaċċjaw iċ-ċittadini meta jkollhom jistennew il-ġranet apposta għall-ġbir.

Eve Borg Bonello, proponiet ukoll l-idea ta’ trakkijiet b’diversi kompartimenti differenti li tippermettilhom jiġbru tipi differenti ta’ skart fl-istess ħin mingħajr ma’ jitħalltu. Ix-Shadow Minister saħqet li din l-idea hija waħda tajba immens hekk kif se ttejjeb l-effiċjenza tal-ġbir tal-iskart f’lokalitajiet densament popolati li qed isibu diffikultajiet biex ilaħħqu.

Ix-Shadow Minister insistiet li “Malta hija d-dar tagħna u li nżommuha nadifa huwa dmir fundamentali.” Tenniet ukoll li t-tindif pubbliku jaffettwa s-saħħa, il-kwalita ġenerali tal-ħajja u jgħin biex inrawmu s-sens ta’ komunita li naqsmu lkoll flimkien.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo