Internazzjonali

Belt ta’ Gaza: Preludju ta’ attakki qabel l-offensiva kbira

Il-qawwiet tal-ajru u t-tankijiet tal-gwerra ta’ Iżrael kienu strumentali fl-aħħar sensiela ta’ attakki fuq diversi bnadi tal-Belt ta’ Gaza…Preludju qawwi għall-offensiva imminenti tal-Armata fuq din il-belt — bl-Iżraeljani qed jaħsbu biex jaħtfu l-akbar zona urbana fit-territorju, fost iż-żieda ta’ pressjoni fuq kważi nofs miljun resident Palestinjan fl-inħawi.

Fl-aħħar sigħat komplew jidwu l-isplużjonijiet qalb iz-zoni tan-naħa ta’ fuq u l-parti t’isfel tal-Belt ta’ Gaza.

Dan waqt li t-truppi Iżraeljani kienu qed itajjru l-bini bl-isplussivi qalb il-kamp tar-refuġjati ta’Jabalia, lejn it-Tramuntana ta’ Gaza.

L-aħħar rapporti mis-sorsi indipendenti f’Gaza qalu li nqatlu talanqas 65 Palestinjani oħra f’perjodu ta’ 24 siegħa, bl-attakki tal-Iżraeljani jħallu wkoll ‘il fuq minn 300 midruba.

L-ammont ta’ Palestinjani maqtula – ċivili u terroristi—mindu l-Iżraeljani bdew il-kampanja militari kbira kontra t-terroristi tal-Ħamas issa qabeż it-63,000.

Dan waqt li l-Prim Minsistru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, ħalef biex jegħleb lill-Ħamas fost l-isfida kontinwa għall-komunità internazzjonali li kritikat il-pjani tiegħu biex iżid il-qilla tal-attakki fuq il-Belt ta’ Gaza.

Fil-preżent, mas-60,000 suldati riservisti jinsabu fuq standby biex huma wkoll jieħdu sehem fl-offensiva kbira li għadha mhix iddikjarata uffiċjalment….Intant, il-Belt ta’ Gaza xorta tinsab taħt assedju, bl-ajruplani militari qed jisparaw il-missili lejn iz-zoni ta’ Zeitoun u Shejayia – u bit-tankijiet, ilbieraħ, jisparaw direttament għal fuq il-bini fin-neighbourhood ta’ Sabra .