Fost ix-xogħol li jrid iwettaq hu li jikteb id-diskorsi lis-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti
L-eks Ministru u eks Deputat Mexxej Laburita Chris Cardona – li fl-eqqel tal-kriżi politika li ħakmet lill-Gvern tal-Labour fl-2019 kellu jirriżenja – reġa’ tfaċċa fil-qalba tal-Gvern issa ta’ Robert Abela – din id-darba bħala konsulent fl-edukazzjoni.
Dan hekk kif is-Sunday Times of Malta żvelat li Chris Cardona qed jitħallas tal-inqas €20,000 fis-sena f’allowance għall-expertise li għandu bħala position of trust mas-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti.
L-eks Ministru kontroversjali ngħata impjieg mal-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jgħin lil Azzopardi Tanti. Ġie żvlat li Cardona qed jitħallas bażi ta’ €11,000 fis-sena, €20,000 għall-expertise tiegħu, bonus għall-ispejjeż tal-karozza li jlaħħaq €4,320 u €1,600 oħrajn bħala spejjeż tal-komunikazzjoni.
Għas-somma kumplessiva ta’ €36,920 fis-sena – mit-taxxi tal-poplu – biex jgħin lid-Deputat Keith Azzopardi Tanti.
Skont il-kuntratt żvelat mit-Times, xogħol Cardona huwa li jwettaq riċerka u analiżi politika, soċjali u ekonomika – bil-għan li jantiċipa x-xifts politiċi fil-pajjiż – kif ukoll biex jikteb id-diskorsi ta’ Azzopardi Tanti.
Dan kollu jfisser li 6 xhur ilu l-Prim Ministru Robert Abela kellu jbaxxi rasu għal faxxa ta’ Joseph Muscat u jerġa’ jiftaħ il-bieb lura lil Chris Cardona wara li l-istess Abela kien qaċċat lill-eks Ministru mill-Kabinett lura fl-2020.
Chris Cardona reġa’ tfaċċa mal-Partit Laburista f’Settembru tal-2024 meta kien mistieden fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista waqt il-konferenza ġenerali tal-Labour.
Minkejja li Robert Abela prova jiddistakka mill-faxxa ta’ Joseph Muscat, jidher li falla għal kollox tant li mhux talli kellu jerġa’ jdaħħal lura fil-Partit Laburista fost oħrajn lil Chris Cardona talli issa qed iħadmu mal-Gvern bħala position of trust bi ħlas li jlaħħaq madwar €37,000 fis-sena.
Fl-aħħar ġimgħat Chris Cardona ntlemaħ ma’ Ministri u Deputati Laburisti – bil-qrubija tal-eks Ministru mal-Grupp Parlamentari Laburista tidher li qed tinfiltra sew – bl-aħħar dehra pubblika tkun mad-Deputat Laburista Ramona Attard.
