Lokali

FAKE NEWS: Mhu minnu xejn li l-PN ivvota favur l-għoti ta’ art tal-gvern lill-privat fil-Mellieħa

Il-PN jikkundanna l-ispin ta’ Silvio Schembri li qed jipprova jagħti tiegħu lil ħaddieħor f’dan il-każ: huma l-Ministru stess u l-Gvern Laburista li għandhom kontroll assolut fuq l-Awtorità tal-Artijiet

B’reazzjoni għall-informazzjoni qarrieqa li l-Ministru Silvio Schembri ta lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika f’rapport dwar kunflitt ta’ interess serju fil-konfront tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-mod kif il-Ministru qed jipprova jitfa’ l-ħtija fuq l-Oppożizzjoni biex isalva lilu nnifsu.

Kuntrarju għall-FAKE NEWS li ppubblikat il-gazzetta it-Torċa tal-lum, id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg – li dak iż-żmien kienet il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet – lanqas biss kienet preżenti għal-laqgħa li fiha l-Awtorità approvat l-għoti ta’ art tal-gvern fil-Mellieħa lil kumpanija privata, kif jixhdu l-minuti uffiċjali, aħseb ara kemm qatt setgħet tivvota favur.

Huwa inutli li l-Ministru Schembri jipprova jagħti tiegħu lil ħaddieħor f’dan il-każ billi jipprova jinħeba wara l-istess Awtorità tal-Artijiet meta l-Gvern u hu stess bħala Ministru għandhom kontroll assolut fuqha. Fil-fatt, minn għaxar membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Artijiet, disgħa huma taħt il-kontroll tal-Gvern Laburista – u wieħed biss hu maħtur mill-Oppożizzjoni. Hu insult għall-intelliġenza tal-poplu li l-Ministru jipprova jghid li ma kellux kontroll fuq l-Awtorità jew li ma kellu x’jaqsam xejn għax il-Bord huwa “awtonomu”. Anzi, il-kontroll tiegħu kien tant assolut li s-Segretarja tal-istess Bord kienet ic-Chief of Staff tiegħu.

Apparti minn hekk, il-Bord tal-Awtorità ma jiddecidix fuq kwistjonijiet ta’ policy. F’dan il-każ kien hemm ukoll żewġ laqgħat li raw il-valutazzjoni teknika tal-art, li tista’ ssir għal diversi raġunijiet minn numru ta’ periti, u li kienet approvata mill-membri tal-Bord li kollha vvutaw favur. Dan kollu sar f’kuntest ta’ awtorità magħrufa għas-segretezza tagħha, anke minn dawk stess li suppost huma membri tal-Bord.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna livell ogħla ta’ politika, mhux spin u tfigħ ta’ tajn bla bażi. Il-verità hi waħda: il-Gvern iddeċieda li jaghti pulmun aħdar fil-Mellieħa lill-privat taħt kundizzjonijiet dubjużi; ħaġa li żgur ma saritx bil-barka la tar-rappreżentant tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien u lanqas tal-kunsillieri lokali tal-PN fil-Mellieħa. Il-PN ifakkar li meta seħħ dan il-każ il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa mmexxi minn maġġoranza Laburista ma fetaħx ħalqu, u ma oġġezzjona bl-ebda mod għal dak li kien qed jiġri. Kuntrarju għall-mod kif aġixxew il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista u d-Deputati tiegħu li jirrappreżentaw lir-residenti tal-Mellieħa. Malli l-PN rebaħ il-maġġoranza fil-Mellieħa, Kunsill immexxi mill-PN oġġezzjona għall-applikazzjoni ta’ dan l-iżvilupp u ressaq appell legali fuq dan l-iżvilupp.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen u se jibqa’ jemmen fl-importanza ta’ spazji miftuħa, fl-ambjent u fir-residenti. Il-PN hu impenjat li jibqa’ jaħdem biex il-komunitajiet tagħna jkollhom aktar spazji ħodor u mhux biex dawn jingħataw b’mod abbużiv minn Gvern li jpoġġi l-interessi tal-ftit fuq il-ġid komuni.