Malta Premier (it-tieni ġurnata) | Tarxien Rainbows vs Floriana 0-1
Floriana kisbu t-tieni rebħa minn żewġ partiti tal-Malta Premier meta f’match day 2 għelbu lil Tarxien Rainbows 1-0.
Wara li għelbu lil Naxxar Lions 3-1, l-iskwadra taħt it-tmexxija ta’ Daniel Portela kisbet b’mod meritat it-tliet punti kontra Tarxien Rainbows. Huma ddominaw il-logħba fejn kellhom bil-wisq aktar azzjonijiet ta’ skor mill-avversarji.
Il-moral tar-Rainbows kien wieħed għoli wara li fetħu l-istaġun il-ġdid tagħhom b’draw ta’ 1-1 kontra Ħamrun Spartans.
Il-gowl li għamel id-differenza kollha kien skorjat seba’ minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima. Kienet azzjoni li bdiet mil-captain ta’ Floriana, Dunstan Vella bil-ballun jasal għand il-Portugiz, Rui Areias li xeħet wara l-gowlkiper ta’ Tarxien Rainbows, Andrea Cassar.
Dan kellu jkun il-gowl tar-rebħa għal Floriana u li jpoġġi lill-greens b’punti massimi wara żewġ partiti.
Qabel tmiem il-logħba, Floriana spiċċaw jilgħabu b’għaxar plejers fil-pitch meta s-sostitut Zac Scerri, tkeċċa b’ħamra diretta mir-referee Daniel Portelli wara daħla li kienet iġġudikata bħala waħda tard mil-eks plejer ta’ Hibernians u Gżira United rispettivament.