L-Ukrajna, fl-aħħar sigħat, irrifjutat li tikkummenta dwar l-istqarrijiet tar-Russja li qed takkuża lill-Ukreni dwar l-isparar tad-drones li kaġunaw in-nirien fl-inħawi ta’ faċilità nukleari fir-reġjun ta’ Kursk.
Ir-reġjun taħt attakk jinsab fil-Punent tar-Russja, b’Moska qed tinsisti li l-qawwiet Ukreni, fil-lejl tas-Sibt, kienu attakkaw numru ta’ impjanti tal-enerġija fl-inħawi.
Ma jidhirx li l-azzjonijiet irriżultaw fil-vittmi, bin-nirien iħallu l-ħsarat f’diversi transformers.
Intant, l-esperti nukleari, wara, ikkonfermaw li l-livelli tar-radjazzjoni fiz-zona partikulari baqgħu normali.
Min-naħa tagħha, l-International Atomic Energy Agency (IAEA) tan-Nazzjonijiet Uniti qalet li hi konxja dwar l-iżviluppi fost l-appelli biex ‘il-pajjiżi jiggarantixxu livelli sodisfaċenti ta’protezzjoni għall-faċilitajiet nukleari fi kwalunkwe ħin.’
L-IAEA kemm-il darba ħeġġet biex ir-Russja u l-Ukrajna jeżerċitaw il-kontroll kollu possibbli qalb iz-zoni tal-faċilitajiet nukleari minkejja l-kundizzjonijiet ta’ gwerra.
Fl-aħħar sigħat ukoll, l-iskwadri Russi għall-emerġenzi kienu qed jikkontrollaw nirien oħra fil-port ta’ Ust-Luga fir-reġjun ta’ Leningrad…Port li jinkorpora anki terminal għall-esportazzjoni tal-fuel.
Jidher li l-Ukreni kienu sparaw numru kbir ta’ drones lejn dan il-port, bil-parti kbira jitwaqqgħu mis-sistemi tad-difiża tar-Russi.
‘Il-futur tal-Ukrajna se jkun deċiż biss mill-poplu
L-Ukrajna, bħalissa, qed tiċċelebra Jum l-Indipendenza…Avveniment li jfakkar id-dikjarazzjoni tal-1991 għall-indipendenza ta’ dan il-pajjiż mill-Unjoni Sovjetika antika.
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal, sadanittant, li l-Ukrajna għandha tkompli tiġġieled għall-indipendenza tagħha kif ukoll ‘għall-futur li jrid ikun deċiż biss mill-poplu’.
Zelensky qal li r-Russja, fl-aħħar xhur, mexxiet kampanja sistematika bażata fuq l-attakki bil-missili u d-drones bil-ħsieb li teqred is-sistemi għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u d-dawl għall-familji Ukreni.
Hu qal ukoll — mingħajr ma indirizza speċifikament l-attakki fuq il-port ta’ Leningrad – li l-Ukrajna għandha d-dritt li twettaq dawn l-azzjonijiet ladarba l-appelli tagħha għall-paċi jkomplu jaqgħu fuq il-widnejn torox.
Zelensky, imbagħad, temm id-diskors bil-messaġġ li ‘filwaqt li l-Ukrajna għadha ma rebħitx il-gwerra, wieħed ikun qed jiżbalja bil-kbir jekk jaħseb li t-telfa għall-Ukreni hi inevitabbli’.
Dan wara li l-qawwiet tar-Russja, fi tmiem il-ġimgħa, ħatfu l-kontroll ta’ żewġ villaġġi waqt il-battalji mal-Armata Ukrena fir-reġjun ta’ Donetsk.
Il-qawwiet Russi, fil-preżent, qed javvanzaw b’diffikultà kbira mill-artijiet tal-lvant tal-Ukrajna u fejn qegħdin iħallsu prezz terribbli f’termini ta’ suldati maqtula.
Mifhum, intant, li l-qawwiet ta’ Vladimir Putin, illum, qed jikkontrollaw madwar 20 fil-mija tat-territorji tal-Ukrajna – tliet snin u nofs wara li t-truppi tal-Kremlin invadew l-artijiet tal-ġar fi Frar ta’ 2022.
Fi żviluppi oħra, il-Ministeru tad-Difiża fir-Renju Unit ikkonferma li l-esperti militari Britanniċi għandhom ikomplu jħarrġu lis-suldati Ukreni sal-aħħar tal-2026.
Sadanittant, l-Ukrajna u l-Iżvezja, lbieraħ, ħabbru li kienu qablu dwar impenn għall-produzzjoni konġunta relatata mad-difiża – bil-Ministeru Żvediż għad-Difiża jtenni li pajjiżu għandu jistimola l-proġetti lejn l-iżvilupp tal-armamenti filwaqt li jaħseb ukoll fil-ħteġiet tal-qawwiet armati tal-Ukrajna.
50
//= $special ?>