Lokali

Nhar l-Erbgħa jinxteħtu l-ewwel voti għal Kap il-ġdid tal-PN

Fadal biss ftit inqas minn ġimgħatejn oħra sabiex it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista jeleġġu l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, waqt il-Konvenzjoni Ġenerali nhar is-Sibt 6 ta’ Settembru.

Dan hekk kif wara ħmistax-il jum mill-għeluq tan-nominazzjonijiet se tkun qed titlaqqa’ Konvenzjoni Ġenerali fejn jivvutaw it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista kollha li jikkwalifikaw skont l-istatut. Il-kandidati huma x-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg u x-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia.

Biex kandidat jiġi elett Kap tal-Partit Nazzjonalista jrid iġib mill-inqas 50% u wieħed tal-voti validi mitfugħa mit-tesserati li jkunu vvotaw f’Konvenzjoni Ġenerali.

Persuna tista’ tivvota jekk ilha msieħba fil-Partit Nazzjonalista mill-2023 jew qabel u għandha tessera mħallsa għas-snin 2023, 2024 u 2025. Jekk l-aħħar tessera li persuna ħalest għas-sena 2020, jew għal xi sena aktar riċenti….jew jekk għandha l-ħlas nieqes għas-snin bejn l-2020 u l-2025 ….din tista’ tiġi in regola sa nhar l-Erbgħa 27 ta’ Awwissu sal-ħin ta’ nofsinhar.

Żgħażagħ membri fil-Partit Nazzjonalista u m’għandhomx aktar minn 18-il sena huma eliġibbli li jivvotaw sakemm ikun ilhom sitt xhur jew aktar tesserat sat-18 ta’ Ġunju 2025.

Intant l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista tibda bil-votazzjoni bikrija nhar l-Erbgħa 27 ta’ Awwissu mill-erba’ ta’ waranofsinhar sad-disa’ ta’ filgħaxija fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, u mill-erba ta’ waranofsinhar sat-tmienja ta’ filgħaxija fis-Sub Headquarters tal-Partit Nazzjonalista fis-Sannat, Għawdex.

L-elezzjoni bikrija tissokta nhar is-Sibt 30 ta’ Awwissu – mid-disa ta’ filgħodu sas-seba ta’ filgħaxija fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u mid-disa’ ta’ filgħodu sal-ħamsa ta’ waranofsinhar  fis-Sub Headquarters tal-Partit Nazzjonalista fis-Sannat, Għawdex.

Finalment il-qofol jintlaħaq is-Sibt 6 ta’ Settembru bil-votazzjoni tkun miftuħa mid-disa’ ta’ filgħodu sas-seba’ ta’ filgħaxija fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll fil-Każini tal-Partit Nazzjonalista ta’ Ħal Safi, Ħal Tarxien u l-Imġarr. Dan filwaqt li l-votazzjoni f’Għawdex tkun miftuħa bejn id-disa’ ta’ filgħodu u l-ħamsa ta’ waranofsinhar fis-Sub Headquarters tal-Partit Nazzjonalista.