Ħamsa u tletin elf u mitejn ewro – kienet din l-offerta rebbieħa tradizzjonali fl-Imġarr, bil-grupp ta’ reffiegħa mmexxi minn Wistin Vella rebħu l-offerta sabiex jerfgħu l-vara ta’ Santa Marija waqt il-festa tal-patruna fil-lokalità tal-Imġarr f’Malta.
L-offerta saret il-Ħadd filgħodu fil-pjazza tal-Imġarr quddiem il-parruċċani li nġabru sabiex jaraw min il-Ħadd filgħaxija kien se jerfa’ l-vara tal-Assunta li d-devozzjoni lejha tmur lura għas-seklu 19.
Net News tkellem ma’ Wistin Vella li spjegalna kemm din il-festa tfisser għalihom u kif matul is-snin hu u l-grupp tiegħu kienu dejjem hemm sabiex iżommu ħajja din it-tradizzjoni unika.
Għal din l-offerta kien hemm erba’ gruppi, bil-Kappillan tal-Parroċċa tal-Imġarr Sean Abela itenni li il-€35,200 miġbura ser imorru għal għanijiet varji – fosthom karità li l-parroċċa tagħmel matul is-sena ma dawk inqas ixxurtjati u li qiegħdin f’riskju ta’ faqar, apparti flus li ser jintużaw biex titkompla l-ħidma fuq is-Sagristijja tal-Knisja.
Din it-tradizzjoni tal-offerta tmur lura għal Awwissu tal-1923, tradizzjoni li bħal ma seħħ proprju l-Ħadd titlob li mat-tokki ta’ nofsinhar, quddiem ġemgħa nies… il-flus tal-ogħla offerta jmorru f’għajnuna għal dawk fil-bżonn u l-ħidma pastorali. L-attivita ġibdet lejha ammont sostanzjali ta’ nies kemm mil-lokalità kif ukoll minn barra l-Imġarr, fejn tispikka ċertament kien hemm l-għaqda fost l-Imġarrin kollha li jkunu qed jistennew din il-ġurnata sena sħiħa.
