Lokali

Omm Tenjo Kosev tappella għall-ġustizzja wara l-mewt tiegħu

Din tortura.

Hekk saħqet mal-ġurnal Times of Malta omm Tenjo Kosev, iż-żagħżugħ ta’ 27 sena li tilef ħajtu f’inċident bil-mutur fis-26 ta’ Lulju f’Pembroke. Hija esprimiet id-diżappunt tagħha għal fatt li kważi xahar wara l-Pulizija għadha ma ħadet l-ebda passi fil-konfront tas-sewwieq tal-vettura l-oħra involuta fl-inċident.

Kosev kien qed isuq lura d-dar lejn Raħal Ġdid wara li mar sessjoni ġym meta kien involut f’ħabta ma’ karozza misjuqa minn żagħżugħ ta’ 22 sena – b’omm is-sewwieq tal-mutur tisħaq mal-ġurnal li ma tistax tifhem kif s’issa għadu ma sar xejn filwaqt li insistiet li hemm cameras tas-sigurtà fiż-żona iżda sal-lum skiet totali.

Minkejja li spjegat li ġiet mitkelma mill-Pulizija, hija esprimiet il-biża’ tagħha li dan il-każ jintesa u qed tinsisti li ssir ġustizzja ma’ binha.

Hija allegat li l-vettura li ħabtet fil-mutur ta’ binha kienet qed tinstaq fid-direzzjoni ħażina bil-konsegwenza li seħħ dan l-inċident fatali.

L-omm insistiet li jekk dan kollu seħħ lil binha, jista’ jseħħ lil kulħadd. Dan filwaqt li saħqet li qed nitkelmu mhux biss fuq it-tifel tagħha, iżda fuq bniedem li tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku…u xahar wara għada ma semgħet xejn bl-eżitu tal-investigazzjonijiet.

Il-Maġistrat tal-Għassa f’dan il-każ kien Ian Farrugia, propju l-istess Maġistrat li aktar kmieni dan ix-xahar irriżenja mill-pożizzjoni tiegħu minħabba raġunijiet personali.

Għaldaqstant, hija spjegat li lanqas biss taf x’sar mill-inkjesta – min issa għandu r-responsabbiltà tagħha u x’se jiġri.

Finalment hija spjegat li hi ma tridx forma ta’ tpattija, kull ma qiegħda titlob ġustizzja.

Intant, kelliema għal Pulizija spjegaw mat-Times of Malta li preżentament għadha għaddejja inkjesta maġisterjali u li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta mal-każ għadhom għaddejjin.