Saħħa, Ambjent, Popolazzjoni, Turiżmu, u Toroq – 5 setturi li l-Gvern tal-Labour immexxi minn Robert Abela huwa ċar li qiegħed ifalli fihom b’mod assolut, 5 setturi li l-poplu qed iħoss li Abela qed jonqoshom biċ-ċittadin qed iħallas prezz għoli għalihom…f’okkażjonijiet estremi saħansitra b’ħajtu.
U biex jiġbor ġieħu, intervistat mill-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tas-Super One, il-Mexxej tal-Labour għażel li jiddiskuti proprju dawn.
Robert Abela sostna l-ovvju meta sostna li s-saħħa hija pilastru ewlieni fil-pajjiż, u faħħar l-investimenti u l-ħidma tal-Ministru Jo Etienne Abela – madanakollu injora għal kollox in-nuqqas ta’ investiment fl-aħħar 12-il sena f’dan is-settur. Settur tas-saħħa li taħt amministrazzjoni Laburista rajnih jinżel għarkupptejh fost oħrajn bl-akbar frodi fl-istorja ta’ pajjiżna bis-serqa tal-€400,000,000 – bin-nuqqas ta’ investiment fl-Isptar San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Wegħdi fiergħa bħan-Northern Hub fil-Mellieħa, li l-Ministru Abela qatel għax iddeskrivih bħala impossibilità matematika….u l-wegħda li l-Gvern kien se jiftaħ sptar ġdid għal kura akuta psikjatrika – wegħda li ssarfet biss f’estensjoni ta’ sala fi ħdan l-Isptar Mater Dei.
Dan filwaqt li l-Prim Ministru tkellem dwar il-Paola Hub f’Raħal Ġdid, Ċentru tas-Saħħa li suppost fetaħ lura fl-2022…b’Robert Abela jiddeskrivih bħala sempliċi ntopp.
Il-Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar iż-żieda fil-popolazzjoni hekk kif atribwixxa dan għall-bidla ekonomika li ġabet ċertu sfidi….hawnhekk huwa stqarr li ma jistax ikun hawn eċċess ta’ barranin iżda fl-istess waqt ammetta li bil-mudell ekonomiku li applika l-Labour ma jistax jagħmel mingħajrhom.
Intant, Robert Abela ammetta li t-turiżmu li qed jiġbed lejn pajjiżna mhux ta’ kwalità u jrid jara kif se jirrimedja għal dan filwaqt li wara d-dokument mniedi mill-Partit Nazzjonalista Innaddfu lil Malta, u r-rispons pożittiv waqt il-konsultazzjoni pubblika – il-Mexxej Laburista qed jisħaq li n-nuqqas ta’ indafa f’pajjiżna ġejja mill-barranin li ma jafux meta għandhom joħorġu l-borża tal-iskart.
B’rabta mal-fatalitajiet u inċidenti fit-toroq Maltin li dejjem qed jiżdiedu, Robert Abela spjega li għaddej eżerċizzju ta’ reviżjoni għal pieni leġiżlattivi – madanakollu naqas milli jisħaq jekk hux se jisma’ mit-tobba, MHRA u assoċjazzjonijiet varji oħrajn jekk hux se jiddaħħlu testijiet sporadiċi tad-droga fit-toroq Maltin u Għawdxin.
Finalment, b’mod mill-aktar ironiku, Robert Abela qal li għandu l-għaqda fi ħdan il-grupp parlamentari – minkejja li sa ftit tal-ġimgħat ilu d-Deputati Edward Zammit Lewis u Katya De Giovanni kkritikaw l-għażliet u d-deċiżjonijiet ta’ Abela nnifsu b’mod pubbliku fuq Facebook…bil-ġlied intern mal-Labour qed jinfirex mill-kmamar taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista sal-Kunsilli Lokali.
//= $special ?>