Internazzjonali

Stati Uniti: Tiżdied il-kritika għall-preżenza tal-Gwardja Nazzjonali f’Chicago

Il-pjan ‘persistenti’ tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump biex jibgħat it-truppi tal-Gwardja Nazzjonali f’Chicago qanqal kritika qawwija mill-Gvernatur tal-Illinois, JB Pritzker u s-Sindku ta’ Chicago, Brandon Johnson.

Pritzker iddeskriva dan il-pass bħala abbuż ta’ poter sfaċċat mill-President, waqt li tenna li ma teżisti l-ebda emerġenza biex tiġġustifika l-preżenza militari f’dik il-belt ewlenija.

Is-sens tal-għadab, intant, kompla jikber, b’numru ta’ uffiċjali f’Chicaco qed jakkużaw lill-President Trump b’li qed jipprova “jimmanifattura kriżi għall-iskopijiet tiegħu.”

Is-Sindku Johnson qal li l-belt ta’ Chicago ma rċeviet l-ebda avviż formali dwar ‘skjerament tal-Gwardja Nazzjonali’. Sadanittant, hu wissa li azzjoni bħal din tista’ tqanqal it-tensjonijiet qalb il-poplu minbarra li tkun ta’ theddida għall-progress.

Hu minnu wkoll li Trump diġà bagħat madwar 2,000 truppi f’Washington, fost ir-rapporti dwar ‘it-tkattir tal-presenza armata’ qalb fil-postijiet pubbliċi…Deċiżjoni li issa kienet ikkonfermata mis-Segretarju tad-Difiża Pete Hegseth innifsu.

Il-President Trump indika l-ħsieb li jiddikjara emerġenza nazzjonali biex iżomm lit-truppi f’posthom ‘il hinn mil-limitu ‘stabbilit’ ta’ 30 jum….Sallum, l-hekk-imsejħa ‘kampanja għas-sigurtà domestika’ wasslet għal aktar minn 700 arrest fost il-ħtif ta’ għexieren ta’ armi illegali.