Qorti

Żagħżugħ akkużat li aggredixxa sesswalment tfajla ta’ 16-il sena

Żagħżugħ ta’ 19-il sena mill-Imġarr kien akkużat li aggredixxa sesswalment tfajla ta’ 16-il sena. Il-Każ seħħ għal ħabta tas-02:30 ta’ filgħodu, waqt il-festa tal-Għargħur. Fil-Qorti l-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Il-prosekuzzjoni sostniet li l-minorenni ta’ sittax-il sena għamlet rapport lil Pulizija fl-għassa tan-Naxxar dwar żagħżugħ li niżżilha f’entrata tal-garaxx, allegatament qabdilha l-warrani darbtejn, biesha fuq moħħha u ma ħallihiex titlaq.

Meta ġew infurmati, il-Pulizija marru ħdejn il-garaxx u arrestawh.

Minħabba li l-allegata vittma għadha trid tiċċara xi affarjiet, meta d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat. .

Il-Maġistrat Gabriella Vella qalet li l-intralċ ta’ provi jista’ jkun ta’ tħassib minħabba n-natura tal-akkuza u li l-allegata vittma għad trid tiċċara xi affarjiet.

Għaldaqstant il-Qorti, ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma għal perjodu ta’ 3 snin u ċaħdet it-talba ta’ ħelsien mill-arrest.