Lokali

Aktar minn 14-il persuna qed jistennew dialysis fl-Isptar Mater Dei

Illum, 25 ta' Awwissu qed isir dialysis lill-pazjenti li kellhom jirċevuh fit-18 ta' Awwissu

Il-lista ta’ pazjenti mingħajr appuntament sabiex jagħmlu dialysis telgħet għal aktar minn 14-il persuna.

Ir-Renal Unit fl-Isptar Mater Dei tinsab iffullata, bil-ħin għall-appuntament dejjem jonqos, bil-konsegwenza li hemm aktar minn 14-il persuna li qed tistenna sabiex tingħata appuntament.

Id-dialysis, huwa proċess mediku li jieħu post il-funzjoni tal-kliewi. Dan il-proċess jippermetti lill-kliewi jitnaddfu mill-affarijiet tossiċi fid-demm, dan meta, minħabba raġuni ta’ saħħa ma jkunux kapaċi jagħmlu dan waħedhom.

Il-proċess li ġeneralment jieħu bejn 3 u 4 sigħat, isir ġieli anke 3 darbiet fil-ġimgħa. F’każ li wieħed ma jgħaddix minn dan il-proċess, ikollu riskju li jimtela’ b’likwidu eċċessiv fil-ġisem, żieda fil-livell ta’ sustanza tossika fil-ġisem jew anke sustanzi li l-ġisem suppost jelimina awtomatikament. Dan kollu b’konsegwenza serja fuq il-ħajja tal-pazjent li tant ikollu bżonn dan il-proċess.

Kienu bosta pazjenti u anke infermiera li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet dwar din is-sitwazzjoni ta’ inwkiet.

Bl-infermieri jispjegaw li lanqas setgħu jibagħtu lill-pazjenti li kien imisshom dialysis fir-Renal Unit.

Dan hekk kif ġew mgħarrfa li se jkunu qed jintagħżlu l-pazjenti li huma aktar urġenti minn oħrajn sabiex jingħataw id-dialysis – minħabba li ma hemmx slot sabiex jidħlu aktar pazjenti għad-dialysis.

Tkellmu magħna wkoll nurmu ta’ qraba, li għandhom membri fil-familja tagħhom li ilhom jiem jistennew sabiex jieħdu d-dialysis.

U li kienu mgħarrfa, li fil-ġurnata tal-lum, il-25 ta’ Awwissu – ir-Renal Unit kienet qed tagħti dialysis lil dawk il-pazjenti li kien imisshom jieħdu dialysis lura fit-18 ta’ Awwissu. Cioè, ġimgħa ilu.

Din is-sitwazzjoni hija waħda inkwetanti ferm, hekk kif id-dialysis huwa proċess mediku li wieħed ma jistax jgħix mingħajru, għaliex il-ħajja tiddependi fuqu.

Sitwazzjoni li qed tħalli l-pazjenti, familji u anke l-professjonisti f’Mater Dei taħt piż esaġerat.