Robert Abela maħtuf mill-faxxa ta’ Joseph Muscat
Eluf ta’ persuni ħarġu jikkritikaw id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li qed jerġa’ jilqa’ fil-Gvern lill-eks Ministru u eks Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona.
Fil-fatt, Cardona ilu minn Frar fuq il-kotba tal-Gvern jaqla’ paga kumplessiva ta’ madwar €37,000 fis-sena inkluż €20,000 bħala espert u ‘il fuq minn €4,000 allowance għal karozza. Dan hekk kif ingħata position of trust mal-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jagħti daqqa t’id lis-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti – fost oħrajn biex jiktiblu xi diskorsi.
Diversi kienu dawk li stagħġbu bil-fatt li Cardona spiċċa f’pożizzjoni ta’ person of trust f’dan il-Ministeru tant sensittiv wara li l-istess eks Ministru irriżenja mill-pożizzjoni tiegħu fl-eqqel tal-kriżi politika tal-2019, wara li kien Abela nnifsu li ma integrahx fil-Kabinett tiegħu u urih il-bieb ta’ barra.
Wara r-riżultat xejn pożittiv ta’ Ġunju 2024, tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u ta-Kunsilli Lokali, Cardona kien ħareġ jikkritika bl-aħrax lit-tmexxija tal-Partit Laburista – u 3 xhur wara fetħulu l-bieb beraħ waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Labour.
Baraxx ta’ kritika, baraxx ta’ kummenti – għal fatt li Robert Abela qed ikollu jċedi u jbaxxi rasu għar-rieda tal-faxxa ta’ Joseph Muscat – tant li saħansitra wieħed mill-ftit li kkumentaw favur Cardona kien biss wieħed mill-protagonisti ta’ din il-ħatfa minn taħt idejn Abela – ċioè is-self made blogger Neville Gafà.
Chris Cardona reġa’ beda jidher fil-pubbliku ma uffiċjali u Deputati tal-Labour, fost oħrajn mal-issa backbencher Laburista Ramona Attard.
Din mhux l-ewwel darba li Robert Abela spiċċa kellu jagħmel u-turn jew jara kif se jakkomoda lill-membri tal-faxxa ta’ Muscat biex jittana jżomm il-kontroll; dan seħħ bl-eks Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef li biex mingħalih iżommu kwiet tah l-inkarigu li jagħmilha tal-osservatur fuq il-Ministri b’rabta mal-Manifest elettorali.
Apparti minn hekk, Abela reġa’ daħħal fil-Grupp Parlamentari lil Rosianne Cutajar wara li testwalment qal li kien se jagħmel hekk biss ladarba toffri l-apoloġija tagħha…apoloġija li qatt ma waslet. U fetaħ il-bieb lil Neville Gafà f’Għawdex u fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista biex jissokta bil-kampanja ta’ klijentaliżmu partiġġjan. Ma’ dawn kollha, issa żdied anke Chris Cardona. Bil-Prim Ministru maħtufu bla kuraġġ. Tant li din il-biża’ tiegħu li jżomm sod qed iħallas għaliha il-poplu kollu
//= $special ?>